Is-sidien ta’ vetturi privati kif ukoll l-importaturi tal-karozzi wżati qed jesprimu tħassib u rabja għaż-żieda qawwija tat-taxxa tar-reġistrazzjoni.
Dan hu rifless fost l-oħrajn f’kummenti fuq Facebook ta’ wieħed mill-importaturi ta’ vetturi second hand li fisser iż-żieda bħala waħda esaġerata u bla ħniena.
Semma’ fost l-oħrajn l-eżempju tal-vettura Honda tal-2003, fi kliemu fost l-iktar popolari mal-klijenti, li issa r-reġistrazzjoni tagħha żdiedet b’€600.
Din il-vettura, li ilha tiġi manifatturata biss għall-aħħar sentejn, għandha livell ta’ CO2 baxx ħafna.
Minbarra dan qed iqum tħassib ukoll li persuni li kienu jġibu karozzi wżat minn barra minħabba prezzijiet vantaġġjużi u probabilment għaliex ma jifilħux iħallsu għal karozza ġdida, minflok issa se jibdew iduru għal karozzi qodma.
Dan se jwassal għal iktar tniġġis u se jisfumaw fix-xejn inizjattivi li ttieħdu fil-passat biex kemm jista’ jkun karozzi qodma jiġu skreppjati u jitnaqqsu mit-toroq Maltin.
L-appell ta’ ħafna hu wieħed komuni, biex it-taxxa tar-reġistrazzjoni titraħħas mill-ġdid u jkompli jkun hemm sforz biex l-eta’ medja tal-vetturi f’pajjiżna tonqos bil-konsegwenza li jonqos ukoll it-tniġġis iġġenerat.
//= $special ?>

