Qed ikompli jikber it-tħassib għal-liġijiet ġodda li qed jintroduċi l-Gvern ġdid Polakk. Fost dawn tal-aħħar hemm il-liġi dwar ix-xandir nazzjonali li biha l-Gvern se jibda jagħmel ħatriet fil-bord tat-tmexxija u li qanqlet anki t-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea.
Tant li l-Kumissjoni Ewropea ħabbret li se tkun qed tiddiskuti l-każ Pollakk fil-laqgħa li jmiss fit-13 ta’ Jannar u mhux qed teskludi li tirrikorri għall-azzjoni legali fi sforz li tipproteġi d-demokrazija u l-libertà fil-Polonja.
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal li s-sitwazzjoni fil-Polonja kienet se tkun waħda mit-temi ewlenin tal-ewwel laqgħa tas-sena tal-Kummissjoni. Frans Timmermans, il-Viċi President tal-Kummissjoni, diġà bagħat żewġ ittri lill-Gvern Polakki jitlob kjarifika dwar il-liġijiet ġodda li jrid jintroduċi.
Din il-ġimgħa l-Gvern Pollakk mistenni japprova l-liġi dwar ix-xandir nazzjonali wara li rebaħ il-vot fil-Parlament. Liġi fejn issa l-gvern għandu l-poter li jaħtar direttament il-kapijiet tax-xandir pubbliku.
Din il-liġi, kif ukoll liġi oħra li għadda dwar il-ħatriet u l-mod kif taħdem il-Qorti Kostituzzjonali wasslu għal protesti kbar fit-toroq tal-bliet ewlenin Pollakki.
Is-Sibt bi protesta għal din il-liġi, id-diretturi tal-erba’ stazzjonijiet nazzjoanli tat-televiżjoni Polakka rriżenjaw mill-kariga.
Il-Partit fil-Gvern, il-Partit tal-Liġi u Ġustizzja (PiS)m qed isostni li hemm bżonn li jsiru dawn il-bidliet biex inaddaf ix-xandir mill-korruzzjoni li kien hemm taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Tħassib dwar il-kontroll tal-Gvern Polakk fuq ix-xandir nazzjonali
