Internazzjonali

Tisħon il-qiegħa bejn ix-Xiiti u s-Sunniti

Tkompli tisħon il-qiegħa bejn is-Sunniti u x-Xiiti minħabba l-esekuzzjoni l-ġimgħa li għaddiet ta’ reliġjuż ewlieni Xiita mill-Arabja Sawdija, potenza ewlenija tal-Iżlam Sunnita.
Wara li s-Sibt filgħaxija b’reazzjoni għall-qtil, folla attakkat u daħlet fl-Ambaxxata tal-Arabja Sawdija f’Tehran, il-kapitali tal-Iran, l-Arabja Sawdija ħabbret li kienet se ttemm ir-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Iran, il-potenza ewlenija tax-Xiiti. Magħha ngħaqdu f’pass simili l-Bahrain u s-Sudan filwaqt li l-Emirati Għarab Magħquda ħabbret li kienet se tnaqqas id-diplomatiċi.
L-Arabja Sawdija tat lid-diplomatiċi Iranjani jumejn biex jitilqu mill-pajjiż. Apparti li dawn iż-żewġ pajjiżi jappoġġjaw il-fergħat ewlenin avversarji tal-Iżlam, huma wkoll jappoġġjaw in-naħat avversarji fil-kunflitti fil-Jemen u s-Sirja.
Is-Sibt, l-Arabja Sawdija qatlet lis-Sheikh Nimr al-Nimr li akkużat b’terroriżmu flimkien ma’ 46 persuna oħra b’akkużi simili. Nimr kien reliġjuż Xiita ewlieni fl-Arabja Sawdija.