Futbol Sport

Trasferimenti tal-futbol lokali – Fenech u Da Silva Souza ma’ Balzan waqt li Zarate jissieħeb lil B’Kara

Kif kien mistenni llum kienu finaliżżati t-trasferimenti ta’ Paul Fenech u Edison Bilbao Zarate li bidlu klabbs u ssieħbu lil Balzan u B’Kara rispettivament. F’kummenti esklussivi li l-Ħadd filgħaxija l-eks captain ta’ B’Kara, Paul Fenech ta waqt Replay fuq Net Television hu tenna li dan it-trasferiment għal ma’ Balzan wasal bħala sorpriża speċjalment wara dak li rnexxilhom jagħmlu B’Kara fis-sajf li għadda kontra West Ham United. Hu saħaq li l-inċident mal-eks kowċ Giovanni Tedesco kien żball tat-tnejn u l-kwistjoni kienet iċċarata mall-ewwel wara li għaddiet is-saħna tal-argument.

Eventwalment wara dan l-argument li Fenech kellu ma’ Tedesco, il-plejer internazzjonali Malti kien ġie sospiż mill-klabb u minn dak in-nhar ‘l hawn Fenech qatt ma reġa’ lagħab partita oħra ma’ B’Kara. Fl-istess intervista fuq Replay, Fenech ħa l-opportunità li jirringrazzja lill-kumitat ta’ B’Kara hekk kif mill-lum jibda esperjenza ġdida ma’ Balzan. Fenech illum iffirma kuntratt ta’ tliet snin u nofs ma’ Balzan.

Alan Da Silva Souza

Intant fl-aħħar sigħat kienet ikkonfermata l-aħbar żvelata mill-Facebook Page ta’ Replay fl-ewwel jum tas-sena, dik tat-trasferiment tal-eks plejer ta’ Valletta, il-Brażiljan Alan da Silva Souza ma’ Balzan. Il-plejer se jkun qed jasal Malta għada t-Tlieta hekk kif diġa’ iffirma kuntratt ta’ sena u nofs ma’ Balzan.

Wara t-tluq tal-midfielders Rowen Muscat u Paul Fenech, B’Kara qed iħarsu sabiex isaħħu l-iskwadra bl-akkwist ta’ mill-inqas żewġ plejers barranin ġodda fir-rwol ta’ midfielder u attakkant. Skont dak li qed jirraporta Replay, fil-jiem li ġejjien se jkunu qed jaslu diversi plejers bi prova fosthom plejers ta’ nazzjonalità Kroata, Serba, Arġentina u Brażiljana.

Jingħad li l-kowċ il-ġdid ta’ B’Kara, Drazen Besek qed ifittex li jakkwista difensur, midifielder u attakkant li m’humiex Maltin. Għaldaqstant dawn il-jiem se jkunu determinanti sabiex B’Kara jagħtu prova lil numru ta’ plejers barranin minn diversi pajjiżi bit-tama li jsibu dak li l-kowċ Kroat qed ifittex.

Għall-aħħar aħbarijiet u aġġornamenti dwar it-trasferimenti tal-futbol lokali agħfas LIKE fuq il-Facebook Page ta’ Replay.

Intant it-Tnejn filgħaxija, fit-8pm jixxandar programm ieħor mis-sensiela Replay Ikompli fuq Radio 101 fejn se jkun hemm l-aħħar aġġornamenti dwar is-suq tat-trasferimenti tal-futbol lokali.