Rafael Benitez tkeċċa minn kowċ ta’ Real Madrid wara biss seba’ xhur fit-tmexxija tal-klabb. L-ispanjol ta’ 55 sena tneħħa mix-xogħol tiegħu ta’ kowċ wara laqgħa tal-bord il-bieraħ. Zinedine Zidane se jkun qed jieħu t-tmexxija tal-klabb wara li f’dan l-istaġun kien qed imexxi it-tieni tim ta’ Real Madrid.
Il-President tal-klabb Florentino Perez ħabbar id-deċiżjoni fl-istadium Santiago Bernabeu l-bieraħ, ġurnata biss wara d-draw ta’ 2-2 f’Valencia li kabbret il-kriżi li bdiet wara t-telfa umiljanti kontra r-rivali Barcelona f’Novembru.
Zidane li lagħab ukoll ma’ Real Madrid qal: “Ninsab emozzjonat aktar minn meta ffirmajt bħala plejer. Jien se nagħti qalbi għal dan ix-xogħol il-ġdid biex kollox jimxi sew.” Perez qal li Zidane hu konxju ta’ kemm ix-xogħol hu iebes.
Il-ħatra ta’ Zidane tista’ tiġi kkunsidrata bħala riskju minħabba li qatt ma kkowċja f’livell għoli iżda kien ilu jissemma li jista’ jkun kowċ ta’ Real Madrid. Zidane kien ilu kowċ tat-tim B ta’ Real mill-2014 u kienu fit-tieni post fit-tielet diviżjoni Spanjola. Qabel ma kien kowċ ta’ Real Madrid B, il-Franċiż kien membru integrali taħt il-gwida tal-kowċ Carlo Ancelotti liema tim rebaħ ‘La Decima’.
Perez kien wera s-sapport tiegħu lil Benitez minn wara t-telfa kontra Barcelona meta kien jgħid li l-Ispanjol hu s-soluzzjoni mhux il-problema għal kriżi ta’ Real. Real Madrid rebħu seba’ minn disa’ partiti minn dakinhar, iżda l-partitarji baqgħu jitolbu għar-riżenja ta’ Benitez li kien rebaħ iċ-Champions League ma’ Liverpool lura fl-2005 , anki wara rebħiet kbar ta’ 8-0 kontra Malmo fiċ-Champions League u 10-2 kontra Rayo Vallecano fil-kampjonat kif ukoll wara l-eliminazzjoni imbarazzanti fit-Tazza tar-Re.
Isem Zidane kien ilu jissemma mill-media Spanjola kull darba li Real Madrid batew. L-eks playmaker ta’ 43 sena baqa’ jiċħad il-possibiltà li jieħu post Benitez iżda dejjem għamilha ċara li ried jmexxi l-ewwel tim. Perez riċentament kien faħħar lil Zidane fejn qal li xi darba kien se jsir kowċ ta’ Real Madrid b’mod naturali.
//= $special ?>

