Internazzjonali

Il-katavri qrib il-kosta tat-Turkija jitilgħu għal 34

Fl-aħħar sigħat, instabu numru ta’ katavri qrib il-kosta tat-Turkija, bl-awtoritajiet jaġġornaw iċ-ċifra tal-mejtin għal tal- anqas 34.

Il-vittmi jinkludu numru ta’ tfal meta din hi l-aħħar traġedja li messet lill-immigranti u r-refuġjati li qegħdin jippruvaw jaqsmu mill-baħar lejn il-Greċja. L-indikazzjonijiet huma li l-immigranti mietu mgħarrqin huma u jaqsmu bid-dinghies lejn il-gżira Griega ta’ Lesbos.

Il-katavri nstabu fuq il-bajjiet ta’ Ayvalik u Dikili li huma madwar 50 kilometri ‘l bogħod min xulxin. Fl-2015 ‘il fuq minn miljun immigrant qasmu mill-Mediterran, bil-maġġoranza kbira tagħhom jivvjaġġaw mit-Turkija lejn il-Greċja. Skont in-Nazzjonijiet Uniti mat-3,771 immigranti kienu rreġistrati bħala mejtin jew nieqsa.