Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, introduċa restrizzjonijiet ġodda għax-xiri ta’ armi tan-nar f’pajjiżu, waqt li qal li ‘jridu jieqfu l-iskużi bla waqfien biex tinżamm lura azzjoni f’waqtha’.
Il-White House, intant, fassal pjani għal azzjoni eżekuttiva li żżid il-proċess għall-evalwazzjoni tar-rekords għall-individwi li jixtru l-armi tan-nar. Dan bħala parti minn sensiela ta’ miżuri li għandhom jindirizzaw il-vjolenza bl-armi fl-Istati Uniti.
Ħafna mill-azzjonijiet jistgħu jsiru mingħajr approvazzjoni mill-Kungress ta’ Washington li jopponi għal liġijiet ġodda li jirrigwardaw l-armi. Il-pjani jesiġu biex il-bejjiegħa tal-armi kollha li jmexxu l-kummerċ fuq l-Internet jew waqt il-gun-shows, jeżaminaw bir-reqqa l-istorja ta’ xerrejja potenzjali.
Sadanittant, Rand Paul, li hu wieħed mill-kandidati Repubblikani għall-Presidenza Amerikana, qal li se jopponi bis-sħiħ lil dawn l-azzjonijiet eżekuttivi. Kandidati Repubblikani oħrajn ukoll impenjaw ruħhom biex iwarrbu l-miżuri potenzjali għall-kontroll tal-armi f’każ li jirbħu l-ġlieda għall-White House.
Il-vjolenza bl-armi tan-nar fl-Istati Uniti hi bil-wisq ogħla minn ta’ pajjiżi avvanzati oħra. Hu kkalkulat li madwar 30,000 imutu, kull sena, b’riżultat ta’ sparaturi fl-Istati Uniti, iżda l-Kungress Amerikan qatt ma kien ħerqan li jgħaddi l-liġijiet li jillimitaw is-sidien tal-armi tan-nar. Dan fost pressjoni kbira minn ċerti sezzjonijiet tal-elettorat u n-National Rifle Association li għandha influwenza kbira fl-Istati Uniti.
//= $special ?>