Internazzjonali

Il-Kuwajt jappoġġja lill-Arabja Sawdija fit-tilwima mal-Iran

Il-Kuwajt ħabbar li qed jirtira l-ambaxxatur tiegħu mill-Iran meta kompliet it-tilwima diplomatika taħraq fir-reġjun wara l-qtil ta’ kap reliġjuż tax-Xiti mill-Arabja Sawdija.

L-esekuzzjonijiet, fi tmiem il-ġimgħa, tal-kap reliġjuż, Sheik Nimr al-Nimr, u ta’ 46 oħra li kienu sfaw ikkundannati għal reati konnessi mat-terroriżmu, qajjem inkwiet kbir li qed jinvolvi diversi pajjiżi tar-reġjun, bit-tensjoni aktar, kulma jmur, qiegħda tiżdied.

L-Arabja Sawdija qatgħet ir-relazzjonijiet mal-Iran wara li l-ambaxxata tagħha f’Tehran sfat attakkata u mogħtija n-nar matul il-lejl tas-Sibt. Intant, il-Bahrain u s-Sudan ukoll ħadu l-ispunt mill-awtoritajiet f’Riyadh u ddeċidew li jiksru r-relazzjonijiet mal-Iran.

L-Istati Uniti, in-Nazzjonijiet Uniti u t-Turkija huma fost l-entitajiet u l-pajjiżi li qegħdin iħeġġu għall-kalma f’dan ir-reġjun. Madankollu, il-Kuwajt, issa, iddeċieda li jirtira l-ambaxxatur mill-Iran filwaqt li fisser l-aħħar attakki fuq l-ambaxxata Sawdija f’Tehran bħala abbuż sfaċċat tal-kriterji internazzjonali.