Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, illum f’Pariġi kixef numru ta’ plakek kommemorattivi għall-vittmi tal-attakki terroristiċi ta’ Jannar li għadda fil-kapitali Franċiża. Dan meta l-Gvern u l-awtoritajiet tal-kapitali qegħdin ifakkru l-anniversarju iswed b’numru ta’ avvenimenti.
Madwar 17-il persuna kienu nqatlu fi tlett ijiem ta’ attakki, bħal dan iż-żmien sena ilu, fejn, fuq kollox, spikka l-assalt fuq l-eksuffiċini tal-ġurnal satiriku Charlie Hebdo. Il-pulizija u stabbiliment li jbigħ l-ikel għal-Lhud ukoll kienu spiċċaw mira għat-terroristi f’dawk il-ġranet ta’ terrur assolut fil-kapitali.
L-ewwel plakka nkixfet barra l-eksuffiċini tal-ġurnal fejn inqatlu 12-il persuna waqt l-isparaturi. Hollande, li kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Pariġi, Anne Hidalgo, poġġa girlanda taħt il-plakka bl-ismijiet tal-vittmi u ’l quddiem kixef plakka oħra fis-sit fejn inqatel il-pulizija Ahmed Merabet, li kien qed isegwi lit-terroristi responsabbli.
Il-President Franċiż, imbagħad, kixef plakka fis-supermarket għal-Lhud, bl-isem Hyper Cacher, fejn kienu nqatlu erba’ xerrejja Lhud waqt attakk terroristiku ieħor fil-kapitali.
Dawn l-attakki kienu l-bidu ta’ azzjonijiet minn elementi terroristiċi fi Franza li kkonkludew bil-massakru ‘storiku’ tat-13 ta’ Novembru minn ġellieda tal-ISIS fil-qalba ta’ Pariġi.
//= $special ?>