Żdiedu l-indikazzjonijiet li raġel li joħroġ jhedded lir-Renju Unit fl-aħħar filmat tal-ISIS hu Britanniku, bl-isem Siddhartha Dhar, li sa ftit ilu kien residenti f’Walthamstow, lejn il-Lvant ta’ Londra.
Dan ir-raġel, li twieled bħala Hindu, kellu negozju żgħir f’Londra qabel ikkonverta għall-Iżlam u spiċċa rradikalizzat. Intant, filwaqt li mhemmx konferma uffiċjali dwar l-identità tar-raġel indikat, l-awtoritajiet jafu li Dhar kien jattendi dimostrazzjonijiet kontra l-Istati Uniti u l-Iżrael.
Ir-raġel kien spiċċa arrestat fir-Renju Unit fuq suspett li kien qed jixpruna t-terroriżmu, iżda ngħata l-libertà proviżorja u, fl-2014, irnexxielu jaħrab lejn is-Sirja. Numru ta’ uffiċjali Britanniċi issa qed jgħidu li l-fatt li Dhar seta’ jaħrab mir-Renju Unit jindika nuqqas serju fil-ħarsien tas-sigurtà f’dan il-pajjiż.
Skont is-sorsi fir-Renju Unit, Dhar jinkwadra bi prominenza fl-investigazzjonijiet dwar l-aħħar filmat tal-ISIS fejn jintwera allegat qtil ta’ ħames irġiel mill-ISIS. F’dan il-filmat, il-ħamsa jidhru għarkupptejhom fid-deżert qabel irġiel armati jisparawlhom f’rashom. L-ISIS, qabel, kienu akkużaw lill-irġiel maqtula bħala spjuni għar-Renju Unit.
Il-filmat ta’ għaxar minuti juri anki tifel b’aċċent Britanniku li, wara l-esekuzzjoni tal-irġiel, jidher jipponta u jitkellem dwar id-dmir li jinqatlu persuni li ma jiffurmawx parti mit-twemmin Iżlamiku. Rapporti li ħarġu fl-aħħar sigħat qed jgħidu li raġel li jgħix fin-Nofsinar ta’ Londra għaraf lil dan it-tifel li skont hu jigi n-neputi tieghu.
Ir-raġel, li jismu Sunday Dare, qal li n-neputi kien ittieħed minn bintu, Grace, lejn is-Sirja filwaqt li sostna li t-tifel qed jintuża għall-propaganda u bħala tarka mill-ISIS. Sunday Dare saħaq li bintu jmissha tirritorna r-Renju Unit u tikkonfronta l-ġustizzja u li hu ma jiċħad qatt lin-neputi tiegħu. Grace Dare ġejja minn familja Britannika-Niġerjana u kkonvertiet għall-Iżlam fl-età 18 il-sena, ftit snin qabel hi ivvjaġġat lejn is-Sirja.
//= $special ?>