Il-ġenituri prospettivi fiċ-Ċina mhumiex se jkollhom jiksbu approvazzjoni biex ikollhom żewġt itfal. Dan kien ikkonfermat permezz ta’ politika ġdida fil-pajjiż partikolari bl-akbar popolazzjoni tad-dinja.
Dokument li ħarġu l-Gvern Ċentrali taċ-Ċina u l-Partit Komunista fil-Gvern sostna li l-familji jistgħu ‘jirranġaw u jaħsbu għat-tfal b’mod indipendenti (taħt il-politika ġdida)’ mingħajr ma japplikaw għal approvazzjoni mill-awtoritajiet ikkonċernati.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa u l-Ippjanar tal-Familji fiċ-Ċina kienet qalet, f’Ottubru, li familja Ċiniża xorta kienet se teħtieġ l-approvazzjoni ‘minn qabel’ biex trabbi żewġt ulied. Intant, id-dokument li ħareġ issa qal li l-implimentazzjoni tal-politika ġdida għandha tibda din is-sena, anki jekk ma ssemmietx xi data speċifika.
Il-politika ‘taż-żewġ ulied’ hi riforma tal-‘politika ta’ tifel wieħed’, fiċ-Ċina, li għal snin sħaħ kienet wasslet għal ħafna każi ta’ abort sfurzat. Intant, l-awtoritajiet f’Beijing qed jittamaw li jnaqqsu mill-pressjoni relatata għal popolazzjoni li qed tikber fl-età.
//= $special ?>

