Lokali

Tmut Antonia Farrugia – eks Sindku taż-Żurrieq

Fl-aħħar jiem iż-Żurrieq tilef lill-eks Sindku tiegħu, Antonia Farrugia, maħbuba minn ħafna lil hinn mil-lewn politiku li kienet tħaddan.

Antonia, jew aħjar kif kienet magħrufa b’għożża bħala Tonina, ġiet eletta għall-ewwel darba fil-Kunsill Lokali taż-Żurrieq fit-12 ta’ Marzu 1999 bl-ikbar ammont ta’ voti wara Joseph Cassar li kien inħatar Sindku.

Sfortunatament Cassar miet fl-10 ta’ Mejju tal-2001 u Farrugia, li kienet Deputat Sindku, ġiet eletta fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali. Hi kienet eletta mill-ġdid fil-Kunsill Lokal fid-19 ta’ Marzu 2002.

Iżda minkejja t-twemmin politiku tagħha, eletta f’isem il-Partit Laburista, Tonina baqgħet maħbuba minn ħafna u rrelevanti mit-twemmin politiku tagħhom. FIlfatt malli ħarġet l-aħbar kienu ħafna dawk li fakkruha għall-ħidma tagħha għal-lokalita’ mingħajr ma kienet tħares lejn il-kuluri politiċi.

Tonina kienet maħbuba wkoll fil-professjoni tagħha, dik ta’ għalliema f’numru ta’ skejjel fost l-oħrajn fl-iskola tas-Samra fil-Ħamrun.