Jisimha Johanna Boni t-tfajla minn Sqallija li dalgħodu tilfet ħajitha wara inċident bil-mutur. Is-sewwieqa tal-mutur kienet involuta f’ħabta ma’ trakk ta’ lewn aħmar, bil-mutur jispiċċa maqbud taħt l-istess trakk.

Il-kadavru tas-sewwieqa, li għandha 27 sena, instab metri ‘il bogħod mit-trakk, li huwa mixer ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni. Kien l-għarus tagħha li identifika l-mutur tal-vittma.
L-inċident seħħ f’Ħal Lija għall-ħabta tat-8am, qabel it-telgħa lejn in-Naxxar. Dan huwa l-ewwel inċident tat-traffiku fatali ta’ din is-sena.
Fil-post waslu kemm Pulizija kif ukoll il-Maġistrat tal-Għassa li fetħet inkjesta.
Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit, jirriżulta li Boni toqgħod il-Mosta u kien ilha inqas minn sena li ġiet toqgħod Malta. Qabel hi kienet tgħix fi Scoglitti, villaġġ żgħir tas-sajjieda fin-naħa t’Isfel ta’ Sqallija qabel ġiet Malta, pajjiż ommha u l-għarus tagħha.
Hawn hi sabet ukoll xogħol, l-ewwel fi stabbiliment tad-divertiment f’San Ġwann u iktar tard f’aġenzija tal-assigurazzjoni.
//= $special ?>

