Qorti

22 persuna tressqu l-Qorti wara frodi tal-assikurazzjoni

22 persuna tressqu l-Qorti wara li investigazzjonijiet tal-Pulizija skoprew każ ta’ frodi massiċċa tal-assikurazzjoni li tammonta għal eluf kbar ta’ ewro fejn fost l-oħrajn persuni kienu qed joħolqu inċidenti apposta.

Minn dawn it-22 persuna li tressqu quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, tnejn ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom, erbgħa wieġbu mhux ħatja, wieħed ma deherx u se jitressaq darb’oħra b’arrest u akkużat ieħor li għadu ma nstabx. Il-kumplament tal-akkużati talbu differiment sabiex jingħataw ċans jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom u jirrifondu l-flus.

B’kollox hemm tmien kumpaniji tal-assikurazzjoni li kienu affetwati; Allcare, Atlas, Citadel, Elmo, Fogg (illum Argus), Gasan Mamo, Middlesea u Untours. Fil-każ taż-żewġ persuni li ammettew, raġel ta’ 35 sena minn Ħal Tarxien u raġel ta’ 38 sena minn Ħal Qormi, il-Maġistrat Bugeja ordna biex isir pre-sentencing report mis-servizzi ta’ probation qabel ma jagħti s-sentenza fil-konfront tagħhom.

Għall-persuni li talbu d-differiment, f’każ li jintlaħaq ftehim barra mill-Qorti u ssir ir-rifużjoni tal-flus miksuba b’qerq, jitwaqqfu l-proċeduri ċivili u jingħataw sentenza mnaqqsa fil-proċeduri kriminali. Is-smigħ ta’ dawn il-kawżi kienu differiti għal bejn id-9 ta’ Frar u d-9 ta’ Marzu.

Il-każ ġie skopert wara li qamu dubji minn ħaddiema tal-assikurazzjoni u sar magħruf li numru ta’ persuni kienu qed jagħmlu assikurazzjoni ma’ kumpanija, joħolqu inċident biex jiffrodaw lill-kumpanija u meta tiskadi l-polza tal-assikurazzjoni jmorru ma’ kumpanija oħra u jagħmlu l-istess.

Il-kumpaniji ngħaqdu flimkien, ġabru l-evidenza kollha li setgħu u marru għand il-Pulizija biex il-persuni nvoluti setgħu jitressqu l-Qorti.

F’kummenti ma’ dan is-sit, ir-rappreżentant legali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assikurazzjoni Jason Grima qal li l-kumpaniji bdew jinvestigaw internament wara bdew jinnutaw li ċertu karozzi jkunu nvoluti f’diversi ħabtiet u diversi claims. Bħala ezempju, Dr Grima semma karozza li tkun ħabtet u saret claim fuqha fl-2010 u jkun hemm claim oħra fuq l-istess vettura fl-2011 u l-mileage tal-vettura ma jkunx inbidel. “Dan beda jqajjem suspett għax ovvjament, karozza trid tkun instaqet biex taħbat,” sostna Dr Grima. Minn dawn is-suspetti, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni bdew jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u ġew żvelati dawn il-ħabtiet finta. Minn hemmhekk, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni bagħtu kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiftaħ proċeduri kriminali. Il-pulizija kompliet tinvestiga dawn il-każi u saħansitra sabet oħrajn li l-kumpaniji tal-assikurazzjoni ma kienux jafu bihom.

Sadanittant fi starrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assikurazzjoni qalet li dawn il-każi huma l-aħħar episodju minn sensiela ta’ battalji kontinwa li l-industrija tal-assikurazzjoni ilha tiġġieled kontra l-frodi. L-Assoċjazzjoni qalet li kienu si assiguraturi li ntebħu b’attivita’ suspettuża permezz ta’ software sofistikat kontra l-frodi li nvestew fih. L-inċidenti tal-allegat frodi kienu jinkludu inċidenti fabrikati, spejjeż esaġerati, u s-sottomissjonijiet ta’ claims fuq l-istess vetturi li ma jkunux ġew imsewwija ma’ assiguraturi separati.

L-Assoċjazzjoni irringrazzjat lill-Pulizija b’mod partikolari lit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi u l-Ispettur Rennie Stivala għall-ħidma tagħhom li wasslet biex intlaħaq dan ir-riżultat.

L-istqarrija ttemm li ħafna għandhom l-impressjoni żbaljata li l-frodi fuq l-assikurazzjoni hu reat li ma jħallix vittmi, iżda r-realta hi li l-ammont ta’ premium imħallas mill-klijenti jkun affetwat minn spejjeż addizzjonali bħala riżultat ta’ frodi fil-claims. Għaldaqstant, l-assiguraturi se jibqgħu jgħassu sabiex klijenti onesti ma jispiċċawx jissussidjaw claims foloz permezz ta’ premiums iktar għoljin.