Diversi gruppi li jħarsu l-libertà tal-midja resqu ilment quddiem il-Kunsill tal-Ewropa dwar il-mod kif il-Gvern Pollakk saħħaħ il-kontroll tiegħu fuq il-midja nazzjonali tal-pajjiż.
Fost dawk li ressqu l-ilment hemm l-Association of European Journalists u l- International Federation of Journalists li qed isostnu li l-liġijiet ġodda li qed jintroduċi l-Gvern qed ixekklu l-indipendenza tal-midja fil-Polonja.
Dan wara li l-Gvern ġdid Pollakk għadda liġi li biha se jibda jaħtar il-bord tad-diretturi tax-xandir nazzjonali apparti miżuri oħra biex ikabbar il-kontroll.
Is-sitwazzjoni waslet għal tensjoni bejn il-Gvern f’Varsavja u l-Kummissjoni Ewropea li saħansitra ħabbret li fit-13 ta’ Jannar, is-sitwazzjoni fil-Polonja se tkun it-tema ewlenija tal-ewwel laqgħa tas-sena tal-Kummissjoni.
Il-Gvern Pollakk ukoll qanqal tħassib dwar ħatriet ġodda fil-Qorti Kostituzzjonali flimkien ma’ regoli ġodda dwar kif il-qorti tista’ tilħaq verdett li osservaturi qalu se jxekklu ħafna l-ħidma tal-Qorti Kostituzzjonali.
Sadattant il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk sejjaħ għar-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea f’Varsavja biex jikkjarifika kummenti li saru dan l-aħħar minn membri tal-Kummissjoni.
Dan wara li fi tmiem il-ġimgħa l-Kummissarju Ewropew Günther Oettinger, li hu responsabbli għas-soċjetà u l-ekonomija diġitali, indika li jistgħu jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-Polonja minħabba l-liġijiet ġodda.
F’Ottubru fil-Polonja kien elett Gvern ġdid, dak imexxi mill-Partit tal-Liġi u Ġustizzja (PiS).
Ilment quddiem il-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kontroll fuq il-midija nazzjonali Polakk
