Ħaddiem tat-tarzna privata Cassar Shipyards fil-Marsa weġġa’ wara li għall-ħabta ta’ 12pm infaqa’ pajp, aktarx tal-arja. Persuni fil-post spjegaw lil NETnews li mal-ħoss, li dewa mal-inħawi, mill-vapur li kien għat-tiswija dehret tiela’ daħna sewda.
Il-ħoss kien wieħed qawwi u bħal ta’ splużjoni, tant li ħoloq paniku fl-inħawi. Fil-fatt, mal-ħoss, diversi persuni għamlu kuntatt immedjat mal-awtoritajiet. Fi ftit ħin, waslu fil-post ammont kbir ta’ Uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, kif ukoll vettura mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Ambulanza.
Il-ħaddiem, raġel ta’ 50 sena minn Marsaskala u li kien qrib tal-pajp li nfaqa’, sofra xi feriti f’dahru. Hu ttieħed għall-kura fl-Isptar Mater Dei, iżda fortunatament ma jinsabx fil-periklu li jitlef ħajtu.
Għadu mhux magħruf jekk il-feriti li ġarrab humiex minħabba l-pressa qawwija li ħarġet mill-pajp jew hux kawża ta’ xi waqgħa.

(Ritratt: Google Maps)


