Internazzjonali

Arrestati tliet Libjani f’Genova

Membri tad-Digos, it-taqsima ta’ kontra t-terroriżmu tal-Pulizija Taljana, arrestat tliet ċittadini Libjani hekk kif niżlu fil-port ta’ Genova minn vapur li beda l-vjaġġ fit-Tuneżija.
It-tlieta qed ikunu akkużati b’ħasil ta’ flus b’rabta mat-terroriżmu internazzjonali.
Huma kienu identifikati bħala Abdel Kader Alkurbo ta’ 50 sena li kien qed jivjaġġa b’passaport Żvediż, Muhamad Ali Mosa Lufty, ta’43 sena residenti f’Brussell, u Mohamed Abdel Mohamed Amar, ta’ 39 li kien qed jivjaġġa b’passaport Belġjan.
Fuq it-telefon ċellulari tagħhom, il-Pulizija sabu ritratti ta’ tfal armati kif ukoll xeni ta’ gwerra u nies ifaħħru l-ISIS jew ISIL kif inhu magħruf wkoll il-grupp terroristiku.
Kien hemm ukoll ritratt ta’ rġiel jieħdu l-ġurament ta’ lealtà lejn l-ISIS.
It-tlieta kienu qed jivjaġġaw mingħajr bagalji fi tliet karozzi identiċi u mal-Pulizija sostnew li kienu negozjanti tal-karrozzi imma l-Pulizija Taljana qalet li s-suspetti huma li l-bejgħ tal-karozzi kien biss front biex jiffinanzjaw il-ħidma tal-ISIS.
Fit-13 ta’ Diċembru, din id-darba fl-ajruport ta’ Genova, raġel u mara allegatament mill-Iran, li kienu diretti lejn Londra b’dokumenti foloz Belġjani. It-tnejn issa kienu akkużati b’terroriżmu wara investigazzjoni li wriet li kellhom rabtiet ma’ gruppi terroristiċi.