Il-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jibda’ jħallas għas-servizzi tal-Kirurgu Albert Fenech. Fil-fatt, wara li dan twaqqaf milli jaħdem fl-Isptar Mater Dei, fejn il-pazjenti kienu jgawdu mis-servizzi tiegħu mingħajr ma jħallsu, issa l-kumpanija privata li se tiftaħ sptar ġdid f’Malta impjegatu għax rat il-valur tiegħu, tant li fdatu jmexxi s-settur tal-Kirurġija tal-istess sptar.
Fi stqarrija wara li ħarġet din l-aħbar, il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li l-Kirurgu Albert Fenech għadu jista’ jagħti s-servizz tiegħu lill-pazjenti Maltin u Għawdxin. Madankollu, għall-Gvern, Albert Fenech ma kienx għadu tajjeb u remieh. Min-naħa l-oħra, il-privat ra l-potenzjal fih u se jimpjegah u jtih il-fiduċja tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi jrid ikollu wiċċu tost meta ftaħar li l-Professur Fenech qed jappoġġja l-pjani tiegħu fil-qasam tas-Saħħa wara li keċċieh mix-xogħol u ġiegħlu jfittex xogħol band’oħra. L-istqarrija sostniet li Konrad Mizzi qed jipprova jitmejjel bin-nies daqs il-Prim Ministru tiegħu, li anke b’sempliċi messaġġ tal-Ewwel tas-Sena gideb u tmejjel bin-nies mingħajr l-ebda mistħija.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-verità tibqa’ waħda, tant li l-ebda spin tal-Gvern Laburista ma tista’ tħassarha: filwaqt li l-pazjenti Maltin u Għawdxin kienu jieħdu s-servizzi ta’ Albert Fenech mingħajr ma jħallsu, issa l-unika għażla tagħhom se tkun li joħorġu l-flus mill-but għas-servizzi tiegħu.
//= $special ?>