L-2016 bdiet kif spiċċat l-2015, bil-prezz taż-żejt ikompli jorħos; imma l-Erbgħa, il-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonali mhux talli raħas, talli niżel għall-irħas prezz f’dawn l-aħħar 11-il sena.
Dan hekk kif iż-żejt magħruf bħala Brent Crude għall-ewwel darba fi 11-il sena niżel għal anqas minn 35 dollaru. Dan hekk kif irreġistra l-prezz ta’ 34.76 dollaru għal kull barmil. L-aħħar darba li ż-żejt kien qed jinbiegħ għal dan il-prezz kien f’Lulju tal-2004. Iż-żejt l-ieħor li l-aktar jinbiegħ, il-US Crude, irreġistra prezz ta’ 34.65 dollaru kull barmil.
It-Tnejn kien hemm ċaqliqa ’l fuq fil-prezz taż-żejt minħabba t-tensjoni bejn l-Iran u l-Arabja Sawdija. Imma lbieraħ jidher li dan it-tħassib għeb għal kollox. Minflok twarrbet kull spekulazzjoni li l-OPEC setgħet tilħaq xi ftehim biex titnaqqas il-produzzjoni ħalli jiżdied il-prezz.
Bejn l-2010 u nofs l-2014, il-prezz taż-żejt kien relattivament stabbli għal madwar 110 dollaru kull barmil; imma tul l-2015, il-prezz beda jorħos aktar ma jgħaddi ż-żmien biex irreġistra tnaqqis ta’ 70 fil-mija. Dan l-aktar minħabba provista adegwata fis-swieq internazzjonali, żieda fil-produzzjoni taż-żejt mill-Istati Uniti, u talba batuta.
L-irħas prezz taż-żejt fi 11-il sena
