Lokali

Netflix issa f’Malta wkoll

Netflix issa hu disponibbli anke f’Malta wara li s-servizz ta’ streaming tal-films u televiżjoni onlajn ħabbar li fetaħ l-aċċess għal diversi pajjiżi fid-dinja.

Wara l-ewwel xahar b’xejn, Netflix ikun disponibbli għall-ħlas kull xahar ta’ €7.99 għas-servizz bażiku, €9.99 għas-servizz standard u €11.99 għal dak premium.

Issa Netflix hu disponibbli f’130 pajjiż. Il-ko-fundatur u l-kap eżekuttiv ta’ Netflix, Reed Hastings, qal li din id-deċiżjoni tfisser it-twelid ta’ netwerk globali tat-televiżjoni fuq l-internet u li jgħaqqad lil konsumaturi minn Singapor sa San Pietruburgu, minn San Francisco sa Sao Paulo.

Netflix hu n-netwerk prinċipali fid-dinja għat-televiżjoni fuq l-internet u għandu iktar minn 70 miljun membru li jgawdu iktar minn 125 miljun siegħa kuljum ta’ programmi u films fuq it-televiżjoni, inkluż serje oriġinali u dokumentarji.

Il-konsumaturi ta’ Netflix jistgħu jaraw kemm iridu, kull ħin u kull fejn ikunu sakemm ikollhom skrijn li jkun imqabbad mal-internet. Jistgħu jwaqqfu u jkomplu jaraw il-programm jew film li jkunu qed isegwu, mingħajr reklami u mingħajr rabtiet oħra.