Internazzjonali

Rabja u tensjoni wara l-inċidenti tal-Ewwel tas-Sena f’Kologne

Hemm tensjoni u rabja fil-Ġermanja wara l-inċidenti tal-Ewwel tas-Sena f’diversi bliet Ġermaniżi. Inċidenti li raw eluf ta’ rġiel ta’ nisel Għarbi jew Afrikan iħebbu għan-nisa Ġermaniżi li kienu qed jiċċelebraw l-Ewwel tas-Sena, b’anki każi ta’ stupru.
L-agħar każi seħħew f’Kologne fejn is-Sindku Henriette Reker filwaqt li qalet li dak li ġara kien inaċċettabbli.
F’ħafna mill-każi, nisa, xi wħud anki akkumpanjati mill-irġiel u tfal tagħhom, sfaw abbużati sesswalment mill-folol ta’ rġiel u anki kellhom logħob tan-nar sparati lejhom.
Il-Pulizija f’Kologne qalet li s’issa 90 mara marru jirrappurtaw li fl-Ewwel tas-Sena spiċċaw vittma ta’ aggressjoni minn gruppi ta’ rġiel barranin quddiem il-Katidral tal-belt.
Il-każi wasslu għal protesti minn gruppi ta’ nisa kemm f’Kologne kif ukoll f’Hamburg u Stuttgart fejn kienet rappurtata sitwazzjoni simili.
Il-każi kienu wkoll kundannati bil-qawwa mill-Kanċillier Angela Merkel li qalet li jrid isir dak kollu possibbli biex ir-responsabbli jinqabdu.
Thomas de Maiziere, il-Ministru tal-Intern Ġermaniż, wissa li l-immigranti li daħlu fil-pajjiż tul dawn l-aħħar xhur ma jridux jitwaddbu kollha f’qoffa waħda imma żied li jekk jirriżulta li dawn kienu r-responsabbli, bħalma huma l-indikazzjonijiet s’issa, allura wieħed ma jridx iżomm lura li jgħid l-affarijiet kif inhuma.