Lokali

Raġel arrestat wara sejba ta’ 55 pakkett bi droga f’remissi

Raġel kien arrestat mill-Pulizija wara li nstabu 55 pakkett b’dawk li huma suspettati bħala eroina u kokaina f’diversi tfittxijiet matul il-jum f’remissi qrib il-Korsa tal-Marsa.

Stqarrija tal-Pulizija qalet li s-sejba saret mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mir-Rapid Intervention Unit u mis-Sezzjoni tal-Klieb, wara numru ta’ ġimgħat ta’ osservazzjoni.

Ir-raġel kien arrestat u qed jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat tal-għassa Josette Demicoli fetħet Inkjesta Magisterjali u ħatret diversi esperti biex jassistuha.