Kap tal-mafja jiftaħar li f’Malta hu qrib tal-Ordni tal-Kavallieri u jista’ juża’ l-ħbiberiji tiegħu biex iwettaq l-illegalitajiet tal-mafja
Il-kap tal-mafja Nicolino Grande Aracri, li flimkien mal-familja tiegħu jmexxi l-klann tal-mafja Grande Aracri, kien jiftaħar li jista’ juża lil Malta u l-ħbiberiji li għandu f’pajjiżna biex iwettaq l-illegalitajiet.
“F’Malta għandi ħbiberiji tajbin. Saħansitra waqqafna l-Cavalieri Crociati f’Malta,” ftaħar Nicolino f’interċettazzjoni skoperta mill-Pulizija fl-Italja.
Ir-rabta bejn Malta u l-boss Grande Aracri mhix xi ħaġa ġdida hekk kif il-Pulizija, b’mod speċjali dawk ta’ Crotone, ilhom għall-aħħar sena jiskopru l-ħidma ta’ din il-mafja fuq livell internazzjonali. Filfatt fl-aħħar snin varaw żewġ operazzjonijiet; Kriterion u Kriterion II li wasslu biex sar magħruf iżjed dwar kif il-mafja kienet qed tinfiltra l-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta, il-mażunerija u ordnijiet oħra tal-Knisja. L-għan hu li permezz ta’ dawn il-konnessjonijiet, il-mafja toqrob u toħloq relazzjoni ma’ persuni influwenti u sinjuri li fil-futur jistgħu jgħinu lill-mafja.
L-aħħar arresti, marbuta ma’ Kriterion II, seħħew fl-aħħar jiem abbażi ta’ diversi akkużi li fost l-oħrajn jinkludu l-assoċjazzjoni mal-mafja, omiċidju, serq, il-kummerċ ta’ affarijiet misruqa u armi, użura u estorsjoni.
Fost dawk arrestati kien hemm l-istess kap tal-grupp tal-mafja Grande Aracri, il-boss Nicolino Grande Aracri, ħuħ Antonio kif ukoll avukat, Rocco Corda. Ġie skopert ukoll kont kurrenti ta’ madwar €200 miljun.
Persuna importanti għall-investigazzjoni tal-Pulizija kien Salvatore Scarpino. Dan għaliex hu ġie nterċettat numru ta’ drabi waqt li kien qed jitkellem ma’ wħud minn dawk arrestati u jispjega l-importanza li l-mafja tuża l-mażunerija u l-ordnijiet tal-Kavallieri.
Instab li l-istess Scarpino kien intermedjarju b’rabtiet mill-qrib ma’ Nicolino Grande Aracri u kien involut f’ħidma finanzjarja u bankarja bl-intenzjoni wkoll li jqarreb lill-mafja lejn ordnijiet tal-Kavallieri u l-mażunerija.
Il-mafja saħansitra ppruvat tinfiltra u toħloq relazzjonijiet mal-Cassazione, il-qorti fl-Italja. Filfatt l-investigazzjoni tqis lill-avukat Rocco Corda bħala ‘faccia pulita’ tal-mafja, jew aħjar persuna li f’għajnejn il-pubbliku jidher nadif propju għaliex hu avukat.
Jirriżulta li l-mafja ppruvat tirranġa proċess tal-qorti f’Ruma biex titħassar id-deċiżjoni ta’ tribunal ta’ Catanzaro fejn ġie arrestat Giovanni Abramo, il-kunjatu tal-boss. Minkejja dan, l-investigaturi ma sabux provi li l-mafja kienet kapaċi tagħmel dan minkejja attentati li fost l-oħrajn jinvolvu wkoll donazzjonijiet ta’ flus.
Ġiet arrestata wkoll ġurnalista ta’ 72 sena, Grazia Veloce, għaliex din għandha rabtiet mill-qrib ma’ personalitajiet fil-politika Taljana kif ukoll fil-Vatikan, li wkoll ippruvaw jinfiltraw il-membri tal-mafja.
Veloce jidher li hi persuna importanti anke’ għall-Ordni tal-Kavallieri għaliex f’numru ta’ ritratti li nstabu fid-dar tagħha jidhru sinjali tal-istess ordni.
Il-familja Grande Aracri ilha snin taħt għajnejn il-Pulizija fl-Italja tant li fl-2015, b’rabta mal-istess investigazzjoni, minn residenza ta’ Nicolino kienet sekwestrata xabla b’simboli tal-Kavallieri ta’ Malta, fost l-oħrajn is-salib ta’ Malta, kif ukoll fradal u kapep.
Sar magħruf ukoll li Nicolino Grande Aracri saħansitra nħatar Kavallier ta’ Malta.
Nicolino Grande Aracri diġa’ kien arrestat b’rabta ma’ Malta
F’Lulju tal-2015, Nicolino Grande Aracri kien issemma fl-inkjesta Aemilia b’rabta mas-sekwestru tal-kumpanija Save International Ltd., inkluż numru ta’ uffiċċji tal-kumpanija bbażata f’Birżebbuġa.
Mill-inkejsta mmexxija mill-Pulizija fl-Italja rriżulta li Save Group daħal f’xibka malizzjuża b’rabta mal-Mafja Grande Aracri li kienet tintużaha biex tkompli tmexxi l-ħidma tagħha f’numru ta’ pajjiżi b’mod aktar liberu.
//= $special ?>