Sirjan, li fil-Qorti ammetta li aggredixxa sesswalment tfajla fl-Ewwel Jum tas-Sena, ingħata 11-il xahar priġunerija qabel ma ttieħed f’awla oħra tal-Qorti akkużat b’abbuż sesswali fuq tfajla ta’ 16-il sena f’Jum il-Milied.
Najm Fahd, ta’ 20 sena mill-Marsa, ammetta li aggredixxa sesswalment lil mara Maltija fl-4am fl-1 ta’ Jannar fi Triq l-Ispiera fis-Swieqi, hekk kif il-mara kienet miexja lejn darha. Il-ġirien ċemplu lill-Pulizija meta semgħu lill-mara tgħajjat hekk kif is-Sirjan ipprova jgħattilha ħalqa b’idu u bl-id l-oħra pprova jmissha taħt id-dublett. Ir-raġel tressaq il-Qorti fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Hu ħarab mill-post imma l-Pulizija qabduh ftit wara. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat li jintbagħat 11-il xahar il-ħabs u mmultatu €22 għall-manetti li kisser waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija.
Ir-raġel imbagħat ittieħed quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke akkużat b’reat simili, din id-darba fuq tfajla ta’ 16-il sena li wkoll kienet miexja lejn darha, fis-2am f’Jum il-Milied.
Għalkemm f’dan il-każ il-vittma ma kinitx taf lir-raġel, hi nfurmat lill-Pulizija li kien hu meta rat filmat tiegħu ħiereġ mill-Qorti meta tressaq fi tmiem il-ġimgħa.
Fahd ċaħad l-akkużi tal-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Matthew Spagnol, li segwa lit-tfajla qabel attakkaha, li beda jbusha u jmissilha l-partijiet intimi tagħha.
Il-Maġistrat Clarke ċaħdet it-talba tal-avukat tad-difiża, Mark Mifsud Cutajar, li r-raġel jingħata l-libertà proviżorja u ordnat li jinżamm arrestat. Iż-żewġ Maġistrati ordnaw li ma jiġux ippubblikati l-ismijiet tal-vittmi.
//= $special ?>
