Lokali

Intervent f’waqtu minn żewġt irġiel iwassal għall-arrest ta’ ħalliel

Intervent f’waqtu minn żewġt irġiel wassal għall-arrest ta’ raġel li aggredixxa tfajla biex jisraq il-handbag tagħha.

L-attentat seħħ illum wara nofsinhar, għall-ħabta tal-16:15, fi Triq San Vincenz, tas-Sliema waqt li l-vittma, li għandha 18-il sena u hi Belġjana, kienet miexja ma’ ħabiba tagħha tal-istess età u nazzjonalità.

Kien hawnhekk li s-suspettat ta’ 33 sena u residenti tas-Sliema allegatament ħatfilha l-handbag u tefagħha mal-art biex jipprova jeħodulha.

Kif raw hekk, raġel ta’ 63 sena residenti Pembroke u ieħor ta’ 25 sena li joqgħod il-Gżira ma ħasbuhix darbtejn u minnufih żammew lis-suspettat sakemm waslu l-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit

Filwaqt li s-suspettat ittieħed l-Għassa ta’ tas-Sliema għall-aktar investigazzjonijiet, il-vittma ttieħdet iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, fejn kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi

Filwaqt li l-Korp tal-Pulizija jfaħħar l-aġir ta’ dawk li assistew, ifakkar illi wieħed għandu jkun kawt f’dawn is-sitwazzjonijiet u ma jinsix li suspettat jista’ jkun ta’ periklu, speċjalment jekk ikun armat.