Għawdex Lokali

Jitwaqqaf is-servizz tal-ġarr tal-merkanzija minn Sa Maison għall-Imġarr

Ħafna jistaqsu jekk hux se jiżdied it-traffiku tal-vetturi kbar

Is-servizz li għal snin twal kien offrut mill-kumpanija Gozo Channel biex vetturi li jġorru l-merkanzija jużaw il-vapur minn Sa Maison biex imorru lejn il-Port tal-Imġarr twaqqaf b’effett mil-lum.

Dan is-servizz dejjem kien milqugħ tajjeb għax jevita li trakkijiet mgħobbija jivvjaġġaw it-tul tat-triq biex jaslu saċ-Ċirkewwa jew viċe-versa. Barra minhekk, dan is-servizz kien jevita li dawn il-vetturi tal-merkanzija jimblukaw diversi toroq f’Malta minħabba d-daqs tal-vetturi u d-djuqija ta’ ċerti toroq.

Madankollu, mil-lum, kull trakk tal-merkanzija se jkollu bil-fors juża’ l-Port taċ-Ċirkewwa. Dan mistenni jwassal għal żieda drastika ta’ trakkijiet mimlija bil-merkanzija fit-toroq ta’ pajjiżna. Mistenni jżid ukoll l-ispejjeż tal-kumpaniji tal-merkanzija u għaldaqstant dan il-piż finanzjarju jaf jolqot ħażin l-aktar lill-konsumatur finali.

Aktar problemi li deċiżjoni bħal din mistennija ġġib magħha hi li dawn il-vetturi kbar tal-merkanzija normalment ikollhom bżonn jużaw żewġ sulari mill-vapur tal-Gozo Channel. Għaldaqstant, mat-tluq miċ-Ċirkewwa, uħud mill-vapuri tal-Gozo Channel issa se jkunu qed inaqqsu l-ispazju għal dawk li jitilgħu bil-karozza żgħira tagħhom.

Persuni li kienu jużaw is-servizz minn Sa Maison u li tkellmu ma’ NETnews qalu li deċiżjoni bħal din se tnaqqas l-aċċessibbiltà bejn iż-żewġ gżejjer minflok ma din titjieb kif dejjem ipprova jagħti x’jifhem il-Gvern. Sostnew li l-Uffiċjali tal-Gozo Channel dejjem tawhom x’jifhmu li s-servizz bejn Sa Maison u l-Imġarr kien mistenni jiżdied u mhux jispiċċa għal kollox.

Fuq kollox, huma fissru din il-manuvra bħala theddida għan-negozju minħabb spejjeż akbar li se jkun hemm fil-ġarr tal-merkanzija. Qalu li din imur għal kollox il-kontra ta’ dak li wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet … jiġifieri Xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija appella biex jitkompla s-servizz bil-baħar bejn Għawdex u Sa Maison

Il-Partit Nazzjonalista f’isem ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, u l-Kelliem għal Għawdex Frederick Azzoppardi, saħaq li illum il-kumpanija Gozo Channel bla kliem u bla sliem waqqfet is-servizz bejn l-Imġarr Għawdex u Sa Maison. Dan is-servizz ilu jingħata għal snin twal u kien iservi prinċipalment biex iġorr trakkijjiet bil-merkanzija bejn Għawdex u Malta u viċe-versa.

Dan ifisser li b’effett mil-lum għexierien ta’ trakkijiet li kull ġimgħa kienu jagħmlu użu minn dan is-servizz issa se jkollhom jibdew jużaw il-port taċ-Ċirkewwa bil-konsegwenza li f toroq bħalma huma dawk tax-Xemxija u t-telgħa tal-Mellieħa se jinħolqu problemi bi trakkijiet mgħobbija li jridu jagħmlu użu ta’ dawn it-toroq.

Il-Ministeru għal Għawdex, li hu responsabbli mill-kumpanija Gozo Channel, flok ra kif żied dan is-servizz biex ikun hemm servizz aħjar bil-baħar bejn Malta u Għawdex, ma għamel xejn u issa dan twaqqaf, u jidher li għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni alternattiva. Dan minkejja li fl-aħħar xhur, meta mistoqsi fil-Parlament, il-Ministru għal Għawdex dejjem assigura li hemm soluzzjoni u se tibda titħaddem fi żmien qasir.

Is-soluzzjoni għal Ministru għal Ghawdex kienet li llum 7 ta’ Jannar dan is-servizz twaqqaf.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex tinstab soluzzjoni malajr biex ikun hemm servizz bil-baħar għall-ġarr tal-merkanzija mill-Port tal-Marsamxett jew mill-Port il-Kbir. Soluzzjoni malajr tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku minn u lejn il-Port taċ-Ċirkewwa u tkun ta’ servizz għall-Għawdxin li jiddependu mill-merkanzija li trid tinġarr ta’ kuljum bejn iż-żewġ gżejjer.