Internazzjonali

L-attività fis-swieq finanzjarji Ċiniżi sospiża mill-ġdid

L-attività fis-swieq finanzjarji spiċċat sospiża għal jum, u għat-tieni darba f’ġimgħa. Dan wara li l-valur tal-ishma kellu jniżel b’aktar minn seba’ fil-mija.
In-negozju fis-swieq waqaf wara anqas min-nofs siegħa mindu fetħet l-attività u meta l-inżul sostanzjali fil-valur tal-ishma spiċċa jattiva mekkaniżmu ġdid intiż biex jikkalma l-volatilità tas-swieq.
L-impatt ġenerali kien immedjat, bil-kambji reġjonali jieħdu daqqa’l isfel.
Fl-istess ħin, l-indiċi tas-swieq ewlenin ta’ Hong Kong niżlu sal-anqas livell min-nofs l-2013, waqt li infirex il-paniku dovut għaċ-ċirkustanzi negattivi taċ-Ċina.
L-inżul drastiku fil-valur tal-ishma fiċ-Ċina rriżulta wara li l-Bank Ċentrali tal-pajjiż aċċellera l-iżvalutar tal-yuan. Dan il-pass, fl-istess ħin, xpruna tħassib li ċ-Ċina, bħala t-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja, qed tiffaċċja inkwiet dejjem akbar. Din il-preokkupazzjoni kompliet tikber minħabba l-aħħar data diżappuntanti mis-settur tal-manifattura.
Id-deprezzament kontinwu tal-yuan iżid il-pressjoni fuq Stati oħrajn tal-Asja biex jiżvalutaw il-kambji ħalli jibqgħu kompetittivi fil-konfront tal-livell għoli ta’ esportazzjoni miċ-Ċina.