L-isplużjoni nukleari bi prova li lbieraħ għamlet il-Korea ta’ Fuq, kienet reġistrata f’Malta wkoll.
Fi stqarrija, is-Seismic Monitoring and Research Group fid-Dipartiment tal-Geosciences fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta, qal li l-isplużjoni nukleari li lbieraħ saret fil-Korea ta’ Fuq kien reġistrata u lokalizzata fuq is-sistema tal-uffiċċju tal-Universita’ ta’ Malta.
Din is-sistema tirċievi riżultati f’ħin reali minn stazzjonijiet minn madwar id-dinja u awtomatikament tagħti l-lokalizazzjoni tat-terremot jew f’dan il-każ tal-isplużjoni.
L-isplużjoni nukleari, li għall-ewwel kien maħsub li kien terremot, rreġistrat theżżiż ta’ aktar minn ħamsa fuq l-Iskala Richter fir-reġjun.
Ir-reġim Korean kkonferma li kien wettaq splużjoni bi prova ta’ bomba tal-idroġenu li hi ferm aktar qawwija minn bomba nukleari. Din hi r-raba’ darba mill-2006 li r-reġim ta’ Pyongynag wettaq splużjoni nukleari bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.
//= $special ?>

