Waqt li laqgħet l-aħbar li Għawdex se jkollu servizz veloċi bil-baħar, is-Soċjetà Maltija għat-Turiżmu fakkret lill-politiċi u lill-awtoritajiet li t-titjib tas-servizz bejn il-gżejjer għandu jsir wara rapporti ta’ sostenibilità.
Is-Soċjetà nsistiet li t-turiżmu jibqa’ attività ekonomika ewlenija jekk joffri taħlita ta’ awtentiċità, diversità u uniċità. Saħqet li għat-turist barrani, il-vjaġġ bil-baħar hu parti minn din l-esperjenza, li hi twila biss bejn 20 u 30 minuta.
Is-Soċjetà pproponiet iktar servizzi bil-baħar minn portijiet differenti biex tittaffa l-problema tat-traffiku, fosthom fil-Mellieħa, u li l-iskeda tat-trasport pubbliku tkun tikkoinċidi mas-servizz tal-vapuri miċ-Ċirkewwa u mill-Imġarr. Ħeġġet ukoll il-kunsiderazzjoni ta’ servizz bl-ajru mill-Heliport t’Għawdex.
Is-Soċjetà qalet li waqt li għandu jsir kull sforz biex ikun hemm servizz effiċjenti u effettiv għar-residenti, m’għandhomx jintesew it-turisti barranin li għalihom, l-esperjenza ta’ vjaġġ lejn Għawdex jagħtihom alternattiva għall-pass mgħaġġel f’Malta.
Ħeġġet ukoll sinerġija bejn il-Gvern, l-awtoritajiet fosthom l-MTA u l-GTA, u l-qasam kummerċjali fosthom il-Gozo Channel.
Intant, f’reazzjoni għall-istqarrija tal-Front favur il-Mina, il-Ministeru għal Għawdex qal li qatt ma ssemma’ r-raba’ vapur u li l-Bord li twaqqaf apposta bħalissa qed jevalwa l-possibiltajiet kollha ta’ aċċessibilità lejn Għawdex inkluż ta’ servizz veloċi bil-baħar.
Dwar il-mina, il-Ministeru qal li għaddejjin studji mill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura wara l-ewwel analiżi dwar l-ispejjeż. Il-Ministru Anton Refalo fakkar li r-rwol tal-Ministeru għal Għawdex hu li jassigura li titjieb l-aċċessibilità u li l-possibiltajiet kollha jiġu evalwati.
//= $special ?>