Tal-anqas 60 persuna nqatlu wara li trakk mimli splussivi nstaq lejn iċ-ċentru tat-taħriġ tal-Pulizija ta’ al-Jahfal, f’Zliten.
Apparti l-mejtin, hemm madwar 130 persuna oħra li ndarbu fl-isplużjoni, li nstemgħet minn Misurata, mas-60 kilometru ’l bogħod. Is-sorsi qalu li kien bowser tal-ilma mimli bl-isplussivi li nstaq lejn iċ-ċentru – li fil-passat kien bażi militari – hekk kif ir-rekluti kienu qed jagħmlu l-eżerċizzji fiżiċi ta’ kull filgħodu fil-bitħa.
Minħabba l-ammont kbir ta’ midrubin, l-isptar ta’ Zliten ma setax ilaħħaq u għalhekk xi wħud mill-midrubin kellhom jittieħdu lejn Tripli.
L-attakk seħħ hekk kif xi ġellieda tal-ISIS (jew kif inhu xi kultant magħruf ukoll bħala ISIL) bdew isaħħu l-preżenza tagħhom fiz-zona.
Sadattant tal-anqas erba’ tankijiet fejn jinħażen iż-żejt f’Al-Sidra qed jaqbdu wara offensiva mill-ISIS. Il-ġlied li beda t-Tnejn ħalla tal-anqas għaxar għassiesa tal-impjant mejta. Kien irrappurtat ukoll nar fl-impjant taż-żejt ta’ Ras Lanuf, li jinsab fil-qrib.
Il-ġellieda tal-ISIS ilhom diversi ġimgħat jippruvaw javvanzaw lil hinn minn Sirte, fejn stabbilew il-bażi tagħhom fil-Libja.
Straġi f’Zliten fil-Libja
