Lokali

Wara informazzjoni minn qarrejja ta’ Net News: solvuta s-serqa mill-ħanut tal-Ħamrun

Artiklu li ttella’ fuq is-sit netnews.com.mt b’appell għall-għajnuna tal-pubbliku wara serqa minn ħanut fil-Ħamrun wassal biex il-każ issolva.

Kollox beda meta s-sidien ta’ ħanut li jinsab fi stabbiliment fil-Ħamrun appellaw għall-għajnuna biex jiġi identifikat żagħżugħ li seraq żarbun ġdid mill-istess stabbiliment.

Kien hawn li ġurnalist ta’ dan is-sit talab il-filmati mill-kameras tas-sigurta’ fejn iż-żagħżugħ jidher għal ħin twil idur mal-ħwejjeġ fl-istabbiliment bl-intenzjoni li jħalli lil ħaddiema tal-ħanut titbiegħed.

Madankollu meta din kompliet titwi xi ħwejjeġ qrib tiegħu, iż-żagħżugħ jidher jippuntalha lejn in-naħa l-oħra tal-ħanut fejn filfatt marret. Kien hawn li ż-żagħżugħ ħataf l-opportunita u fil-basket vojt li kien qed iġorr tefa’ kaxxa b’żarbun fiha.

Biex jevita li jinqabad, iż-żagħżugħ mar f’post apposta biex taparsi jipprova ż-żarbun iżda kien hawn li neħħa t-tags tas-sigurta’ u telaq mill-ħanut biż-żarbun b’kollox.

L-appell fuq netnews.com.mt wassal biex qarrejja tagħna għaddew l-informazzjoni taż-żagħżugħ li ġie identifikat mill-Pulizija.

Finalment is-sidien tal-ħanut aċċettaw li ma jittieħdux passi kontra ż-żagħżugħ bil-kundizzjoni li dan iħallas taż-żarbun u ma jersaqx iktar lejn il-ħanut.