Meta jkun fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ viċin in-nies. Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jiġi intervistat fil-programm “L-Għarbiel” fuq Radio 101.
Waqt l-intervista, Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza tal-politika u l-kwalitajiet ta’ Mexxej, kif ukoll l-eżempju li dan għandu jagħti fis-soċjetà. Tkellem dwar ir-rikonoxximent li għandu lejn il-Partit Nazzjonalista għall-bidliet li wettaq fis-soċjetà wara l-elezzjoni ġenerali tal-1987, filwaqt li spjega l-proċess biex hu daħal fil-politika.
Mill-politika jien nieħu sodisfazzjon, iżda nħoss li għandi nagħti kontribut lejn is-soċjetà. Dwar il-ħaddiema li se jitilfu x-xogħol, fosthom dawk tad-De La Rue, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja lil dawn il-ħaddiema f’dan il-mument diffiċli.
Filwaqt li fakkar kif mill-Oppozizzjoni l-Partit Nazzjonalista diġà beda jipproponi, qal li dan qed iġib fiduċja fil-Partit li kapaċi jwettaq meta jerġa’ jkun fil-Gvern.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza li d-demokrazija tkun imsaħħa u salvagwardjata kuljum, filwaqt li qal li fil-pajjiż dieħel sens ta’ biża’ li qed iżomm lin-nies milli jitkellmu. Madankollu, jeħtieġ li l-poplu jneħħi l-biża’ u jitkellem, sostna Simon Busuttil.
Matul il-programm, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Kristina u mal-familja, fosthom il-ġenituri tiegħu. Hu sostna l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ viċin in-nies anke meta jkun fil-Gvern, filwaqt li spjega li l-poplu għandu mistoqsija biss dwar jekk il-Partit Nazzjonalista hux se jisma lin-nies għax dwar is-setturi ekonomiċi, soċjali u oħrajn, il-Partit hu garanzija ta’ suċċess.
Dwar l-ambjent, Simon Busuttil tkellem favur is-salvagwardja tal-kampanja Maltija u Għawdxija biex din tibqa’ konservata għall-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>

