Kontra kull mistenni Pierre-Emerick Aubameyang, attakkant tal-Gabon, għeleb l-isfida tal-midfielder tal-Ivory Coast Yaya Toure u rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tal-Afrika. Aubameyang, attakkant ta’ Borussia Dortmund ġab total ta’ 143 punt filwaqt li Toure, midfielder ta’ Manchester City ġab 136. Fit-tielet post spiċċa Ande Ayew, b’112-il punt. Aubameyang hu l-ewwel plejer mill-Gabon li qatt rebaħ dan l-unur prestiġjuż li għal dawn l-aħħar erba’ snin kien intrebaħ minn Toure. Minkejja li Toure għen lill-Ivory Coast jirbħu t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani dan ma kienx biżżejjed biex jegħleb l-isfida ta’ Aubameyang li attwalment qiegħed fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers fil-Bundesliga. Aubameyang s’issa, minn 17-il logħba skurja 18-il gowl.
Victor Osimhen rebaħ l-unur tal-aqwa plejer żgħażugħ hekk kif għen lin-Niġerja jirbħu t-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-17-il sena. Osimhen skurja total ta’ 10 gowls f’seba’ partiti.
Il-kowċ tal-Ivory Coast Herve Renard ġie ivvutat l-aqwa kowċ tas-sena. Ta min jinnota li Renard hu l-uniku kowċ fl-istorja li rebaħ it-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani ma’ żewġ pajjiżi wara li kien diġa’ għamel dan fl-2012 maż-Żambja.
L-aqwa tim tas-sena fl-Afrika għall-2015 hu dan:
Gowlkiper: Robert Kidiaba (DR Congo)
Defensuri: Serge Aurier (Ivory Coast), Aymen Abdennour (Tuneżija), Mohamed Meftah (Alġerija)
Midfielders: Andre Ayew (Ghana), Yaya Toure (Ivory Coast), Sadio Mane (Senegal), Yacine Brahimi (Alġerija),
Attakkanti: Mbwana Aly Samatta (Tanzania), Pierre-Emerick Aubameyang (Gabon), Baghdad Bounedjah (Alġerija)


