Internazzjonali

Ebda diplomazija mal-ISIS

F’intervista mal-istazzjon Sky News, l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan Henry Kissinger qal li mal-ISIS m’għandu jkun hemm ebda negozjati u r-reazzjoni tal-komunità internazzjonali fil-konfront tiegħu għandha tkun l-istess ta’ dik li kien hemm għan-Nażiżmu.
Hu qal li bla dubju dan il-grupp estremista Iżlamiku għandu jitkisser u fakkar li matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ħadd ma qgħad jistaqsi x’kien l-aħjar mod biex jeqirdu n-Nażiżmu imma qabdu u ħadu azzjoni biex dan jinqered.
Hu fakkar li dan hu grupp li jxandar madwar id-dinja l-esekużjoni brutali tal-priġunieri tiegħu u għalhekk ma tantx jara lok x’wieħed għandu jinnegozja miegħu. Imma qal li kien hemm ħafna gruppi fir-reġjun li magħhom il-komunita internazzjonali tista’ tinnegozja.
Hu iżda insista li fil-konfront tal-ISIS, jew ISIL kif inhu magħruf ukoll il-grupp, ma jarax lok ta’ soluzzjoni diplomatika imma waħda ta’ determinazzjoni biex it-theddida tiegħu tkun eliminata.
Kissinger, li għandu 92 sena, jitqis minn ħafna bħala r-raġel għaref tal-politika barranija Amerikan u qatta’ 60 sena protagonist tal-politika barranija Amerikana u serva taħt il-Presidenti Richard Nixon u Gerald Ford.