L-eks-kandidat Laburista, Martin Debono, ingħata direct order ta’ €36,000 mill-Gvern b’rabta mat-twaqqif ta’ mużew tal-moda.
Il-ġurnal The Times żvela dan illum fejn qal li l-proġett għadu fl-iktar stadju bikri tiegħu u jsir biss jekk jingħata l-approvazzjoni ta’ madwar €5 miljun f’fondi mill-UE. Il-mużew mistenni jkun wieħed tal-kostumi, tal-moda u tal-industrija tal-films.
It-Times żvela wkoll li l-ordni diretta tal-kuntratt ma’ Debono nħarġet is-sajf li għadda mid-Direttorat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali. Debono, li sal-2011 kien għadu jirrappreżenta lill-Partit Laburista fil-kunsill lokali ta’ Tas-Sliema, tqabbad biex jimmaniġġja u jikkordina d-disinni tal-konsulenti f’dokument komprensiv għall-istadji ta’ tender, u biex issir l-applikazzjoni għall-fondi mill-UE.
It-Times qal ukoll li fuq il-ħlas ta’ €36,000 lil Debono, il-Gvern se jħallas il-VAT, u li mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Ministru Owen Bonnici, dwar għaliex ma ħarġitx sejħa għall-offerti kif jiġri s-soltu għal proġetti simili u għaliex intagħżel Debono, baqgħu mhux imwieġba.
Is-sena li għaddiet, l-istess Debono tqabbad biex iservi ta’ assistent tad-deputat Laburista Charles Buhagiar, f’xogħlu ta’ chairman tal-BICC, fuq bażi ta’ “pożizzjoni ta’ fiduċja”. Għal dan ix-xogħol, Debono għandu kuntratt ta’ €27,000 fis-sena. Fl-1997, Debono kien inħatar bħala l-ewwel chairman tal-istess BICC meta Charles Buhagiar kien il-Ministru responsabbli tiegħu.
//= $special ?>

