Missier ta’ żewġt itfal, Massimo Caruso, intbagħat erba’ snin ħabs b’sentenza ta’ priġunerija effettiva wara li nstab, mill-Maġistrat Joe Mifsud, ħati ta’ serq ta’ flus kontanti u ġojjelli minn dar f’San Ġwann.
Il-każ imur lura għat-28 ta’ Lulju tal-2010 meta minn dar fi Triq Mudest Sapiano nsterqu €600 fi flus kontanti u ġojjelli bil-valur ta’ iktar minn €17,000.
Fil-post kienu nstabu marki tas-swaba li qablu ma’ subgħa l-akkużat li, anke meta meħud fil-post mill-Pulizija, baqa’ jiċħad li qatt daħal fid-dar misruqa. Iktar tard, fil-Qorti f’April li għadda, l-akkużat ammetta li seraq mid-dar.
Il-Maġistrat saħaq li s-sentenza mogħtija tirrifletti s-serjetà tal-każ, aggravata mill-fatt li l-akkużat hu reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati, li saru definittivi. Irrimarka wkoll li l-akkużat kien jaf x’kien qed jagħmel meta wettaq is-serqa u meta ffaċċjat bir-riżultati tal-marka tas-swaba, għażel li ma jagħti ebda spjegazzjoni.
Tenna wkoll li mhux biss ma rritorna xejn minn dak li seraq iżda lanqas wera rimors għal dak li wettaq u għat-trawma li għaddiet minnha l-persuna li kienet tgħix f’dik id-dar, tant li kellha tibdel ir-residenza tagħha. Fil-Qorti ntqal li r-raġel kien spjega dak li għamel bħala mezz biex jiffinanzja d-dipendenza tiegħu mid-droga.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat irrakkomanda lill-uffiċjal eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex il-ħati jibqa’ jingħata għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga għal kollox, u biex jitħalla joħroġ jagħmel xogħol fil-komunità biex jagħti lura lis-soċjetà dak li darab b’għemilu.
Il-ħati ammetta li kien ilu jiddependi mid-droga għal diversi snin għalkemm fl-aħħar erba’ snin irnexxielu jżomm lura u li dan kien l-itwal żmien li matulu żamm ’il bogħod mill-vizzju. Ir-raġel qed jiskonta wkoll sentenza ta’ ħabs.
Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija, il-Maġistrat ordna lill-ħati biex iħallas l-ispejjeż marbuta mal-ħatra tal-esperti, li jammontaw għal iktar minn €1,100, u li fin-nuqqas ta’ ħlas din iċ-ċifra tinbidel għal priġunerija.
//= $special ?>
