Lokali

Filmat: Ray Zammit jibqa’ msakkar biex jaħrab mill-ġurnalisti

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Gwardjani Lokali, Ray Zammit, ħarab mill-media wara li fl-aħħar jiem reġa’ kien fl-aħbarijiet b’każ ieħor … din id-darba dwar propjetà fuq art tal-Gvern.

Fi tmiem żjara mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, il-gurnalisti talbu ghall-kummenti minghand il-Ministru Owen Bonnici, kif ukoll staqsew speċifikament ukoll biex Ray Zammit iwieġeb għal xi mistoqsijiet.

Iżda filwaqt li l-Ministru Owen Bonnici niżel biex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija baqa’ ma tfaċċax. Għal darb’oħra, il-ġurnalisti staqsew għal Zammit, iżda dan baqa’ wara l-bibien imsakkra tal-eks Television House.

Il-mistoqsijiet mhux imwieġba jduru mal-kwistjoni tal-merti fil-ħatra ta’ Ray Zammit bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, meta f’din l-aħħar sena kien involut fil-cover-up tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, kif ukoll kien iċċensurat mill-Inkjesta Indipendenti dwar ir-rabtiet bejn il-Familji Zammit u Gaffarena.

Min-naħa tiegħu, mistoqsi ripetutament mill-ġurnalisti, il-Ministru Owen Bonnici naqas milli jiddikjara b’mod kategoriku li għandu fiduċja f’Ray Zammit, minkejja li kien maħtur minnu stess. Kien mistoqsi wkoll jekk kienx hemm persuni oħrajn, minbarra Ray Zammit, li setgħu qdew din il-kariga. U meta l-Ministru Bonnici wieġeb li hemm persuni oħrajn validi, il-ġurnalisti reġgħu staqsewh għaliex ħass li kellu jaħtar lil bniedem li ngħata twissija minnu stess.

Il-Ministru Owen Bonnici għamel madwar 10 minuti jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, iżda minkejja l-wegħda li Ray Zammit ukoll kien se jitkellem mal-ġurnalisti, dan baqa’ ma tfaċċax.