Lokali

Ħames nassaba Maltin arrestati f’Ragusa

????????????????????????????????????

Il-Pulizija provinċjali ta’ Ragusa arrestat ħames nassaba Maltin li nstab li qabdu madwar mitt għasfur u jidher li l-pjan kien li jaqbdu mal-400 oħra bl-iskop li jniżżluhom lejn Malta u jkunu jistgħu jbiegħuhom.

Is-sejba saret bejn Modica u Ragusa u l-Maltin qed ikunu akkużati li qabdu l-għasafar kif ukoll b’serq b’rabta mal-kaċċa, maltrattament tal-għasafar, u li marru lejn Ragusa bl-uniku skop li jaqbdu numru ta’ speċi ta’ għasafar speċifikament biex jinbiegħu b’mod illegali.

Jirriżulta li l-Maltin kienu qed jużaw bird callers kif ukoll għasafar oħra biex jattiraw l-ispeċi li riedu jaqbdu.

L-arrest tal-Maltin wassal biex ġie evitat iktar maltrattament tal-għasafar. Madankollu nstabu numru ta’ għasafar, b’mod speċjali dawk użati biex jattiraw oħrajn, li kellhom ksur fil-ġwienaħ waqt li għasfur ieħor kellu ganċ imdaħħal f’sidru.

Jidher li l-Maltin kienu qed jippjanaw li jġibu l-għasafar f’Malta permezz tal-katamaran moħbija f’kaxxi żgħar ħafna tal-kartun. L-iskop hu li dawn l-għasafar, minħabba l-ispazju ristrett li kienu fih, ma jkunux jistgħu jieħdu nifs sew u allura ma jgħannux biex ma jindunawx bihom l-uffiċjali tad-dwana.

Dan kien se jwassal biex ħafna mill-għasafar jilħqu jmutu qabel jaslu f’pajjiżna iżda fortunatament inħelsu.