Issa jheddidhom ukoll bil-‘performance bonus’ tagħhom
Minkejja li l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi diġà opponiet u pprotestat dwar l-attakki li l-Gvern għamel fuq is-Segretarji Eżekuttivi, il-Gvern jidher li baqa’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu u reġa’ sostna l-attakki fuq is-Segretarji Eżekuttivi f’memo fil-bidu tas-sena, li fiha saħansitra heddidhom bil-performance bonus tagħhom.
Il-konflitt bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi beda wara diskors li għamel is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo. Iżda b’reazzjoni, l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tenniet li tinsab imħassba għal kliem is-Segretarju Parlamentari għax hu tefa’ fuq is-Segretarji Eżekuttivi l-problema kollha li l-Kunsilli Lokali naqsu milli josservaw il-Liġi.
L-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi kkonfrontat lill-Gvern b’diversi mistoqsijiet dwar numru ta’ problemi preżenti li, bħala Assoċjazzjoni, ilha tipprova tindirizza għal żmien twil. Madankollu, il-Gvern s’issa għadu qatt ma taha widen. Aktar minhekk, l-Assoċjazzjoni qalet li hi sfortuna kif Stefan Buontempo ħa l-aktar triq faċli u widdeb lis-Segretarji Eżekuttivi bħal donnhom huma s-sors tal-problemi.
Fil-pożizzjoni tagħha, l-Assoċjazzjoni għamlet referenza qawwija għall-mod kif is-Segretarju Parlamentari qed jibgħat messaġġ negattiv wara li ma ħax passi kontra s-Sindki li naqsu. L-Assoċjazzjoni qalet li l-messaġġ tas-Segretarju Parlamentari hu li issa jistgħu jsiru l-abbużi billi l-ħtija tintefa’ kollha fuq is-Segretarji Eżekuttivi.
Anke l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius, irreaġixxa għall-pożizzjoni tal-Gvern kontra s-Segretarji Eżekuttivi. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ddeskriva d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Parlamentari Buontempo bħala sinonimi ta’ Gvern li, bħal f’kull ċirkostanza, qed jaħsel idejh.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li ilu tliet snin jinsisti mal-Gvern biex lill-Kunsilli Lokali ma jittraskurahomx. Iżda minflok, il-Gvern qed jipprova jitfa’ t-tort kollu fuq is-Segretarji Eżekuttivi, li l-maġġoranza assoluta tagħhom jagħmlu xogħol bir-reqqa u b’dedikazzjoni kbira.
Minflok ta widen għall-pożizzjoni espressa mill-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi, kif espressa lejn l-aħħar tal-2015, il-Gvern ħalla l-Festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena jgħaddu u fil-5 ta’ Jannar reġa’ enfasizza l-pożizzjoni tiegħu kontra s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali.