Rapporti minn Raqqa, fejn hemm is-sede tal-ISIS jew kif inhu magħruf ukoll ISIL, svelaw li omm inqatlet minn binha għaliex kienet qed tħeġġu jħalli l-grupp militanti Iżlamiku.
Rapporti qalu li Ali Saqr (ritratt) ta’ 21 sena qatel pubblikament lil ommu, Lena al-Qasem ta’ 45 sena, quddiem l-uffiċċju tal-posta ta’ Raqqa.
Is-Syrian Observatory for Human Rights (SOHR), li jgħasses dak li qed jiġri fis-Sirja, qal li jidher li Lena al-Qasem kienet qalet lil binha li l-alleanza mmexxija mill-Istati Uniti kienet se teqred lill-ISIS u ppruvat tikkonvinċih jaħrab minn Raqqa magħha. Jirriżulta li hu mar jinforma lill-uffiċjali tal-ISIS b’dak li kienet qaltlu ommu u huma ordnawlu li joqtolha.
Ali Saqr imbagħad mar il-posta fejn hi kienet taħdem, ħariġha barra, ħabbar dak li kien se jagħmel u sparalha.
Hu stmat li f’Raqqa u l-bliet taħt il-kontroll tagħha fis-Sirja, tal-anqas 2,000 persuna hu magħruf li nqatlu għaliex omosesswali, jew għax ikunu kisru xi liġi tal-grupp.
Sadattant tħabbar li Abu Mohammed al-Adnani, il-kelliem ewlieni tal-ISIS fl-Iraq, kien indarab serjament f’attakk mill-ajru f’Hit. Al-Adnani kien qed jissemma bħala s-suċċessur ta’ Abu Bakr al-Baghdadi, il-kap tal-ISIS, kieku dan kellu jinqatel.
Joqtol lil ommu f’isem ISIS
