Lokali

L-Oppożizzjoni tistenna imparzjalita’ miċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandira

Tania Borg Cardona, iċ-Chairperson tal-Awtorita' tax-Xandir

Fi stqarrija l-Oppożizzjoni tistenna imparzjalita’ miċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir.

Fi spirtu ta’ kunsens, l-Oppożizzjoni aċċettat in-nomina tas-Sinjura Tania Borg Cardona bħala Chairperson ġdida tal-Awtorita’ tax-Xandir minkejja li għanda riżervi dwar in-nomina tagħha.

Ir-riżervi tal-Oppożizzjoni huma marbuta man-nuqqas ta’ esperjenza tas-Sinjura Borg Cardona fil-qasam tax-xandir. Minkejja dan, f’ittra lill-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil aċċetta din in-nomina fi spirtu ta’ kunsens.

L-Oppożizzjoni fl-istess stqarrija qalet issa tistenna li s-Sinjura Borg Cardona turi li hija kapaċi teżerċita’ l-funzjoni tagħha b’imparzjalita’ stretta kif mistenni minn kariga ta’ natura kostituzzjonali daqstant importanti.

Intant fi stqarrija il-Gvern qal li Tanya Borg Cardona nħatret chairperson tal-Awtorità tax-Xandir li, skont l-artiklu 118 (2) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, għandu jiġi maħtur mill-President skont il-parir tal-Prim Ministru wara li kkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Tanya Borg Cardona se tkun l-ewwel Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir mara kemm ilha kostitwita l-Awtorità tax-Xandir mill-1961.

Issa l-membri tal-bord tal-Awtorità tax-Xandir huma Dr Reno Borg, Dr Peter Fenech, Ms Rose Sciberras u s-Sur Chris Scicluna.