Lokali

Malta: It-3 minn fost 52 post li għandek iżżur fl-2016 skont The New York Times

Il-Gżejjer Maltin jissemmew fit-tielet post minn fost 52 destinazzjoni li The New York Times iniżżel bħala d-destinazzjonijiet li wieħed għandu jżur matul is-sena 2016.

Is-sit tal-ġurnal popolari Amerikan, li hu kkalkulat li fl-Istati Uniti għandu ċirkolazzjoni ta’ 1,379,806 kopja, jiddeskrivi lil Malta bħala l-gżira Mediterranja “bi klima mill-aqwa, bajjiet eċċellenti, b’tempji megalitiċi u b’kulturi distintivi.”

L-istess sit jgħid li minkejja li f’pajjiżna nitkellmu żewġ lingwi uffiċjali, inkluż l-Ingliż, ftit Amerikani s’issa skoprew il-faxxinu ta’ Malta.

Filwaqt li jissemma’ li pajjiżna għandu tliet gżejjer abitati li wieħed jista’ jesplora; Malta li hi d-dar tal-Belt Valletta, “sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO b’binjiet impressjonanti”, Għawdex li hi “iktar trankwilla, b’kosta drammatika mimlija postijiet ideali għall-għads” u Kemmuna “mingħajr karozzi, b’lukanda u ftit residenti.”

Jissemma’ kif din is-sena l-Belt Valletta tiċċelebra l-450 anniversarju filwaqt li riċentament kellha rtokki li tawha “xeħta friska bħall-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta, it-teatru miftuħ li ġie restawrat u l-bini ġdid tal-Parlament li kollu kemm hu kien diżinjat mill-arkitett rinomat Renzo Piano.”

L-artiklu jfakkar ukoll kif f’pajjiżna wieħed jista’ jsegwi l-passi tal-koppja Angelina Jolie u Brad Pitt “li qattgħu l-qamar il-għasel tagħhom fil-film ‘By the Sea’ f’Għawdex, li serva bħala post iktar ekonomiku, imma daqstant romantiku, minflok in-naħa t’isfel ta’ Franza.”

L-artiklu jieħu lill-qarrejja wkoll iktar fil-passat u jfakkar kif Għawdex serva wkoll bħala sett għall-films ‘The Whale’ u ‘The Da Vinci Code.’