Internazzjonali

Mhux minnu li xorb moderat jista’ jipproteġi l-irġiel mill-mard tal-qalb

L-awtoritajiet mediċi Ingliżi ħarġu linji gwida ġodda dwar il-konsum tal-alkoħol biex jitnaqqas l-ammont ta’ alkoħol li tista’ tikkonsma persuna u żiedu li mir-riċerka li saret, ma jirriżulta li m’hemm ebda livell ta’ konsum ta’ alkoħol li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tal-bniedem.
Dan wara li riċerka ġdida uriet li kwalunkwe konsum ta’ alkoħol jista’ jikkawża kanċer.
Skont il-parir ġdid maħruġ mill-uffiċjali mediċi Ingliżi, l-irġiel u nisa ma jridux jaqbżu l-limitu ta’ 14-il unit kull ġimgħa – ekwivalenti ta’ sitt pinet birra jew seba’ tazzez inbid f’ġimgħa. Ingħata parir ukoll li n-nisa tqal iridu jwarrbu x-xorb għal kollox.
Intqal ukoll li min se jixrob l-alkoħol irid jagħmel dan b’moderazzjoni u f’ġimgħa jrid ikun hemm ċerti ġranet fejn ma jsir ebda xorb.
Dawn il-linji gwida huma l-ewwel reviżjoni kompluta tal-linji gwida dwar il-konsum tal-alkoħol mill-1995.
L-istudju ġdid sab ukoll li mhux minnu li xorb moderat jista’ jipproteġi l-irġiel mill-mard tal-qalb. Dan apparti li l-evidenza tindika li r-riskju ta’ kanċer varju jiżdied skont l-ammont ta’ konsum ta’ alkoħol ta’ persuna.