Futbol Sport

Platini jirtira l-kandidatura tiegħu

Il-President tal-UEFA Michel Platini irtira l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA li se ssir fis-26 ta’ Frar li ġej. Lejn tmiem is-sena li għaddiet Platini, flimkien mal-President tal-FIFA Sepp Blatter ġie sospiż għal tmien snin minn kull attività relatata mal-futbol minħabba pagament li kien irċieva fl-2011 mingħand l-istess Blatter.

Platini kien aċċetta pagament ta’ madwar 1.34 miljun lira sterlina mingħand Blatter għal xogħol li kien għamel Platini bejn Jannar tal-1999 u Ġunju tal-2002 meta dakinar il-Franċiż kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter.

Ta min jinnota li meta saru l-pagamenti, fl-2011, il-UEFA kienet għadha kemm ikkonfermat li kienet se tagħti l-appoġġ sħiħ lil Blatter waqt l-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA li saret dik is-sena stess.

Hu minħabba dan li Platini u Blatter ġew investigati għax il-prosekuturi għandhom suspett li dan il-ħlas sar bħala ‘ringrazzjament’ mingħand Blatter lil Platini tal-appoġġ li tah fl-elezzjoni.

Platini ma ipprova l-ebda evidenza ta’ dan il-pagament, hu stess ammetta li hu u Blatter qablu b’mod verbali dwar il-pagament tal-2011 u hu għalhekk li m’hemm l-ebda kuntratt bil-miktub.

Blatter, li f’Mejju ħabbar li kien se jirriżejna minn President tal-FIFA u kien proprju f’dan il-mument li Platini ħabbar li kien se jikkontesta l-elezzjoni. Minħabba li kien sospiż mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA, dan kien għadu ma jafx jekk kienx se jitħalla jikkontesta l-elezzjoni imma sa din il-ġimgħa xorta waħda kien wieħed mill-kandidati. Issa la darba rtira l-kandidatura tiegħu b’kollox huma ħamsa l-persuni li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni. Wieħed minnhom hu s-Segretarju Ġenerali tal-UEFA, Gianni Infantino li minn naħa tiegħu kien dejjem stqarr li jekk Platini jikkontesta l-elezzjoni dan kien se jirtira l-kandidatura tiegħu. L-oħrajn huma l-Prinċep tal-Ġordan Ali bin Hussein, Salman Bin Ibrahim Al-Khalifa, President tal-Konfederazzjoni tal-Futbol fl-Asja, Jerome Champagne, eks membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-FIFA u Tokyo Sexwale, imprenditur mill-Afrika t’Isfel.