L-istudji ġeoloġiċi dwar il-possibiltà ta’ mina bejn Malta u Għawdex mistennija jkunu jistgħu jibdew isiru mis-sena d-dieħla hekk kif din is-sena aktarx jitlesta x-xogħol kollu preparatorju għalihom.
James Piscopo, iċ-Chairman ta’ Trasport Malta, qal dan f’laqgħa li Front Favur il-Mina kellu dalgħodu miegħu u mal-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi.
Fil-laqgħa, il-Front enfasizza l-ħtieġa li l-istudji kollha għall-mina proposta bejn Malta u Għawdex isiru mingħajr dewmien.
Piscopo kkonferma li Transport Malta qed taħdem ma’ kumpanija barranija għat-tħejjija tal-istudji meħtieġa waqt li l-Ministru Mizzi tenna l-pożizzjoni tal-Gvern.
Il-Front esprima tħassib ukoll dwar l-aħħar bidla għar-rotta X1 tat-trasport pubbliku, li hi l-unika rotta express miċ-Ċirkewwa lejn iċ-ċentru ta’ Malta, u tenna l-argument kontra t-tneħħija tal-waqfa għall-isptar Mater Dei. Skont il-Front, il-Ministru Mizzi qabel li l-waqfa għall-isptar għandha terġa’ tiddaħħal u li l-aspetti loġistiċi ta’ din il-bidla se jiġu diskussi l-ġimgħa d-dieħla waqt laqgħa teknika.
//= $special ?>