Fil-Polonja, daħlet fis-seħħ liġi kontroversjali dwar il-midja wara li poġġa l-firma tiegħu fuqha l-President Andrzej Duda. Din il-liġi qanqlet tħassib serju fl-Unjoni Ewropea peress li se xxekkel sew il-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż.
Dan peress li l-Gvern se jkollu l-kontroll fuq it-tmexxija tax-xandir nazzjonali kif ukoll fuq il-permess biex wieħed jaħdem ta’ ġurnalist. Dan il-pass qanqal il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea.
Imma Viktor Orban, il-Prim Ministru Ungeriż, wissa li hu ma kienx se jappoġġa sanzjonijiet kontra l-Polonja mill-bqija tal-UE.
Il-kritiċi qed isostnu li b’dan il-pass tneħħa sors ewlieni ta’ kritika tal-Gvern u issa hemm possibbiltà kbira li eventwalment il-Gvern Polakk jipprova jxekkel il-ħidma tal-midja privata.
Fil-Polonja hemm Gvern ġdid immexxi mill-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja (PiS), li tela’ fil-poter f’Ottubru wara tmien snin fl-Oppożizzjoni.
Skont il-liġi l-ġdida, it-tmexxija tax-xandir tinħatar u tista’ titkeċċa mill-Ministru tal-Finanzi.
Il-Kunsill tal-Ewropa, l-ogħla istituzzjoni Ewropea favur id-drittijiet tal-bniedem, kienet ħeġġet lil Duda kontra l-approvazzjoni tal-liġi; imma dan kien għal xejn. Ingrid Deltenre, id-Direttur Ġenerali tal-European Broadcasting Union (EBU), qalet li kienet maħsuda bil-pass li għamlet il-Polonja.
Tidħol fis-seħħ fil-Polonja liġi kontroversjali dwar il-midja
