Lokali

Aġġornata: Splużjoni ta’ bomba ma’ dar fix-Xagħra

Żewġ Għawdxin jgħinu lill-Pulizija fl-istħarriġ

Sa tard ilbieraħ filgħaxija l-Pulizija ta’ Għawdex u l-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali kienu qed iżommu żewġt irġiel Għawdxin – wieħed mix-Xagħra u l-ieħor min-Nadur – biex jgħinu fl-istħarriġ dwar it-tqegħid ta’ bomba ma’ bieb ta’ residenza fix-Xagħra.

Din il-bomba splodiet kmieni lbieraħ filgħodu – ftit tal-ħin qabel l-erbgħa ta’filgħodu – u għamlet ħsarat mhux biss fil-bieb tal-garaxx u l-faċċata tar-residenza, imma anki f’żewġ vetturi li kienu pparkjati quddiem id-dar.

Il-mira f’dan l-attentat kien Sandro Ciliberti magħruf bħala ‘Iċ-Chilly’ li hu involut f’numru ta’ negozji kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. Fil-ħin tal-isplużjoni hu kien rieqed fir-residenza tiegħu flimkien mas-sieħba tiegħu. Huma nħasdu bl-isplużjoni li kkawżat ħoss qawwi li nstema’ minn diversi nħawi ta’ Għawdex.

Sorsi tal-Explosives Ordinance Disposal qalu lil ‘In-Nazzjon’ li l-bomba kienet waħda qawwija u kienet maħduma b’sengħa u magħmula mill-ħadid.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li aktar tard ilbieraħ tkellmu ma’ dan il-ġurnal fissrulna li bomba ttajjar kull evidenza magħha u kull każ hu diffiċli ħafna li jkun solvut, madankollu f’dan il-każ il-vittma jidher li għandu ċerti suspetti li jistgħu jgħinu fl-istħarriġ.

Mill-istħarriġ li għamel ‘In-Nazzjon’ jirriżulta li Sandra Ciliberti hu direttament u indirettament involut f’diversi negozji. Madankollu negozju partikulari – dak ta’ beach consession f’Kemmuna – kien qed iqanqallu inkwiet serju ma’ terzi persuni li wkoll riedu involviment akbar fl-istess qligħ ta’ flus.

Tard filgħodu lbieraħ stess il-Pulizija għamlet żewġ arresti importanti f’Għawdex stess – b’raġel mix-Xagħra u ieħor min-Nadur qed jgħinu fl-investigazzjonijiet, waqt li aktar tard filgħaxija dawn kellhom jintbagħtu wkoll Malta għal aktar interrogazzjonijiet.

Is-sorsi tagħna fissru li fil-kors tal-ewwel investigazzjonijiet, ta’ għajnuna kbira għall-Pulizija jistgħu jkunu l-filmati li kienu elevati mis-sistema tas-CCTV, Madankollu ta’ żvantaġġ f’dan ir-rigward jista’ jkun id-dlam li kien hemm fl-inħawi meta tpoġġiet il-bomba matul il-lejl.

Bil-każ kien infurmat ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li ħatar diversi esperti biex jgħinuh fl-Inkjesta Maġisterjali.