Fis-26 ta’ Settembru li għadda, malli t-team nazzjonali Malti għadda għall-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo li se jibdew għada l-Ħadd f’Belgrad, is-Serbja, il-Partit Nazzjonalista kien għamel tliet proposti għall-ġid tal-isport f’pajjiżna. Dawn kienu li:
> tiġi studjata l-possibilita’ li l-players tat-team nazzjonali tal-Waterpolo jitħarrġu b’mod full-time,
> l-istazzjon nazzjonali jixtri d-dritt li jxandar il-logħob kollu ta’ Malta fil-Kampjonati Ewropej ta’ Belgrad biex il-poplu Malti u Għawdxi kollu jkun jista’ jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lit-team nazzjonali Malti;
> isiru arranġamenti speċjali biex kemm jista’ jkun Maltin imorru Belgrad u jappoġġjaw mill-viċin lill-benjamini Maltin fl-ogħla livell ta’ kompetizzjoni fl-Ewropa.
Il-Partit Nazzjonalista f’isem il-Kelliem tal-Kunsilli Lokli, ż-Żgħażagħ u l-Isport David Agius flimkien mal-Kelliem tad-Drittijiet taċ-Ċittadini Clyde Puli saħaq li madanakollu, sfortunatament, il-Gvern għażel li jwebbes rasu u ma laqa’ ebda proposta minn dawn. Dan hekk kif:
> It-team nazzjonali beda jitħarreġ kuljum f’Diċembru, iżda mhux fuq bażi full-time b’sagrifiċċju għall-players li kellhom jieħdu leave minn tagħhom
> l-ebda logħba tat-team nazzjonali Malti mhi se tixxandar live fuq l-istazzjon nazzjonali
> il-Partit Nazzjonalista mhux infurmat li f’Belgrad se jkun hemm numru kbir ta’ partitarji jappoġġjaw lit-team nazzjonali Malti
Hija ħasra li dan il-Gvern iwebbes rasu anke f’settur bħall-isport u proposti konkreti bħal dawn jinjorahom. Minn naħa l-oħra, l-Gvern sab il-flus biex Muscat isiefer Belgrad biex hu jara l-logħba live, xi ħaġa li l-poplu Malti u Għawdxi mhux se jkollhom iċ-ċans li jagħmlu fuq l-istazzjon nazzjonali, u dan minkejja li l-avveniment huwa wieħed ta’ livell Ewropew li jikkumpara mal-Euro 2016 f’dak li għandu x’jaqsam il-futbol u l-Eurovision Song Contest f’dak li għandu x’jaqsam il-kant. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-PBS jagħmel dak kollu possibbli biex joffri lit-telespettaturi Maltin il-logħob tat-team nazzjonali Malti b’mod live.
Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-players kollha tat-team nazzjonali mmexxija mill-kowċ Karl Izzo għal kull suċċess fl-ewwel parteċipazzjoni storika fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo.
//= $special ?>