Ingliz ta’ 45 sena li kien qed jinżamm taħt arrest preventiv fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli, ipprova jneħħi ħajtu b’idejh.
Hu miet fl-Isptar Mater Dei wara li ttiehed permezz ta’ ambulanza. Dan hu t-tielet kaz fi tliet xhur fejn persuni mietu waqt li kienu taht il-kustodja tal-pulizija.
Fid-dawl ta’ dan il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li f’ġieħ id-diċenza, f’ġieħ ir-responsabbilta’ politika, u f’ġieħ il-kontabilita’ u l-kredibilita’ l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela għandu jwarrab mir-responsabbilta’ li tgħabba biha.
Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap għall-ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-intern Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista fakkar li fl-ebda pajjiż demokratiku ma hu aċċettabbli li jmutu 3 persuni fi żmien 3 xhur waqt li jkunu taħt arrest.
Fl-ebda pajjiż demokratiku, kompla l-Partit Nazzjonalista, ma jkun hemm Ministru responsabbli mill-Pulizija li jżomm postu quddiem traġedji bħal dawn u li jibqa’ jistaħba wara inkjesta Maġisterjali li issa kulħadd jaf li jdumu ż-żmien biex jingħalqu u mhux neċessarjament jiġu ppubblikati.
Il-Partit Nazzjonalista jtemm jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi llum irrealizza li wara l-kliem ħelu u sabiħ, hemm Ministru tal-Intern inkompetenti, li tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u li għall-inkompetenza, il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas prezz għoli wisq.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella kif ukoll inkjesta oħra interna mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
//= $special ?>