Internazzjonali

Proposti liġijiet aktar ħorox għall-immigranti fost protesti f’Kologne

Wara l-agħa li kien hemm fil-Ġermanja minħabba l-inċidenti fl-Ewwel tas-Sena minn gruppi ta’ immigranti kontra nisa Ġermaniżi, Angela Merkel, il-Kanċillier Ġermaniż is-Sibt proponiet liġijiet aktar ħorox.

Dan wara li f’Kologne, iżda mhux biss, kien hemm aktar minn mitt każ fejn gruppi organizzati ta’ irġiel ta’ nisel Għarbi u mit-Tramuntana tal-Afrika, ħebbew sesswalment għal nisa li kienu qed jiċċelebraw l-Ewwel tas-Sena. Każijiet simili kienu rapportati anki fl-Awstrija, l-Iżvezja, il-Finlandja, u l-Iżvizzera.

Dan wassal biex ikun hemm ħafna kritika għal Merkel minħabba l-politika tagħha li tiftaħ il-fruntieri għall-immigranti kif ukoll għat-tneħħija tal-kap tal-Pulizija ta’ Kologne.

Matul il-ġurnata tas-Sibt kompliet it-tensjoni hekk kif f’Kologne saret dimostrazzjoni mill-moviment Pegida, il-moviment Ġermaniż kontra l-barranin partikolarment dawk ta’ twemmin Iżlamiku.

Merkel proponiet il-bdil fil-liġi waqt laqgħa tat-tmexxija tal-Partit Demokristjan Ġermaniż (CDU) fil-belt ta’ Mainz. Merkel diġa esprimiet ir-rabja kbira tagħha għal dak li ġara fosthom ukoll għal dak li jidher kien sforz mill-Pulizija biex dawn l-inċidenti jinżammu mistura.

Merkel insistit li meta persuna tikser il-liġi għandu jkun jaf li se jkun hemm konsegwenżi ta’ għemilu. Il-liġijiet issa jridu jkunu approvati fil-Parlament.

Il-Pulizija f’Kologne diġa arrestat madwar 30 persuna b’rabta mal-inċidenti tal-Ewwel tas-Sena. Minn dawn kien hemm 18 li daħlu bħala immigranti fil-Ġermanja u talbu kenn.